Thursday, December 26, 2024

Owen Bonnici: Ippreparati anke jekk ikollna nagħlqu l-iskejjel

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici iddikjara li jekk ikun kostrett jagħlaq l-iskejjel minħabba l-Covid19 diġà saru l-preparamenti biex l-edukazzjoni lill-istudenti tkompli tingħata.

Huwa iddikjara dan fil-Parlament waqt li kien qed jitkellem fis-seduta li fiha ġew diskussi l-estimi tal-Budget 2021 għall-ministeru mmexxi minnu.

Bonnici sostna li jekk niġu f’sitwazzjoni fejn ikollhom jagħlqu l-iskejjel diġà saru d-diskussjonijiet bejn is-setturi edukattiv u l-unjin tal-għalliema dwar it-tagħlim online u kif dan għandu jsir.

Huwa żied li f’din l-eventwalità kull skola tagħmel użu minn pjattaforma diġitali u titħaddem timetable apposta.

Dwar il-ftuħ tal-skejjel Bonnici semma kif din kienet sfida bla preċedenti u semma kif iddaħħlu 50 miżura, saru diversi spezzjonijiet, ġew impjegati uffiċjal tas-sigurtà f’kull skola, ġew irrekordjati 1,000 lezzjoni waqt twaqqfet skola virtwali għal studenti vulnerabbli.

Kien hawnhekk li ikkritika lill-Oppożizzjoni talli qagħdet gallarija fejn sostna li din tiċċaqlaq skont kif jonfoħ ir-riħ tal-mument.

Dwar il-budget b’mod ġenerali qal li fih kienu allokati €65 miljun aktar f’edukazzjoni u dan eskluż il-fondi ewropej fuq il-Budget 2020.

Huwa sostna li għas-sena d-dieħla l-Gvern għandu pjan ambizzjuż fejn jidħlu proġetti infrastrutturali fl-edukazzjoni u waqt li semma l-iskejjel ġodda li nfetħu jew ġew irranġati irrefera għax-xogħol li se jsir matul din is-sena.

Bonnici irrefera wkoll għal dawk li jitilqu kmieni mill-iskola fejn semma kif dawn naqsu minn 20% fl-2014 għal 16.7% fl-2019.

Dwar il-gradwati żgħażagħ qal li waqt li dawk li għandhom bejn 30 u 34 sena u huma gradwati żdiedu b’9.2% u l-mira ta’ 33% intlaqet fl-2017 meta kellna 33.5% waqt li issa għandna 38.1% b’livell terzjarju.

Fir-rigward tal-qasam tax-xogħol Bonnici semma kif fl-2019 ir-rata tal-impjiegi fost dawk li jkunu għadhom kemm iggradwaw kien ta’ 93.1% li hija l-ogħla fl-UE.

Dwar iż-żgħażagħ li la huma fl-edukazzjoni, la f’taħriġ u lanqas f’xogħol semma kif dan jammonta għal 7.9% meta l-medja fl-UE hija ta’ 12%.

Fuq il-ħolqien tal-impjiegi semma kif Malta baqgħet fuq quddiem nett fost il-pajjiżi tal-UE waqt li dwar il-qgħad qal li f’Settembru dan kien ta’ 4% meta fl-UE laħaq is-7.5% b’dak fost iż-żgħażagħ ikun ta’ 8.8% kontra s-17.1% fl-UE.

Ekonomija

Sport