Minn MELVIN FARRUGIA
L-Università ta’ Oxford ħabbret dalgħodu li leħqet ftehim mal-kumpanija tal-bio-farmaċewtika bbażata fir-Renju Unit, AstraZeneca għal aktar żvilupp, manifattura fuq skala kbira u potenzjalment anke d-distribuzzjoni ta’ vaċċin għall-COVID-19 li bħalissa qiegħed isir it-testijiet tiegħu minn din l-università.
Is-sħubija se tibda b’mod immedjat fejn it-termini finali se jiġu maqbula fil-ġimgħat li ġejjin. Dan se jippermetti li jingħata l-vaċċin madwar id-dinja b’mod rapidu jekk il-vaċċin jinstab li hu effettiv. Dan il-vaċċin ġie żviluppata mill-Istitut Jenner fl-istess università u bdew isiru t-testijiet fuq il-bniedem il-ġimgħa li għaddiet flimkien mal-Oxford Vaccine Group.
Din hi l-ewwel sħubija li ġiet ifformata minn mindu l-Gvern nieda it-taskforce għall-vażżin biex isib, jittestja u jwassal vaċċin. Dan wasal ukoll wara l-£20 miljun li ta l-Gvern Ingliż lir-riċerka għall-vaċċin mill-istess università.
Permezz ta’ dan il-ftehim, apparti milli jingħata aċċess kmieni lir-Renju Unit għall-vaċċin jekk ikun effettiv, se jippermettti wkoll li l-kumpanija AstraZeneca taħt ma’ msieħba globali biex issir distribuzzjoni internazzjonali tal-vaċċin, b’mod partikolari lil pajjiżi li għandhom dħul baxx jew medju.
Iż-żewġ imsieħba qablu li joperaw bla profitti waqt din il-pandemija, fejn qed ikunu koperti biss l-infiq tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni. Barra minn hekk l-Università u l-kumpanija tagħha li żviluppat il-vaċċin mhix se titlob flus għad-drittijiet tal-vaċċin waqt il-pandemija. Dawk li tirċievi wara li tgħaddi l-pandemija se jiġu investiti mill-ġdid fir-riċerka medika, fosthom f’ċentru dwar ir-riċerka għall-vaċċini u l-preparazzjoni għall-pandemiji. Dan iċ-ċentru se jiġi żviluppata mal-istess kumpanija.