Saturday, November 23, 2024

OZO Group b’inizjattiva fejn diġà taw aktar minn 19,700 siegħa ta’ servizz lejn il-komunità bla ħlas

Aqra wkoll

Minn MELVIN FARRUGIA

Il-Kap Eżekuttiv ta’ OZO Group, Fabio Muscat żvela ma’ inewsmalta li bħala kumpanija ħarġu bl-inizjattiva #thankyouMALTA fejn b’kollaborazzjoni ma’ diversi ministeri, entitajiet, mal-GWU u anke mal-ewroparlamentari Miriam Dalli, qed joffru lill-ħaddiema tagħhom biex jagħmlu xogħol ta’ manutenzjoni u tindif fil-komunità mingħajr ħlas. 

Muscat spjega din l-inizjattiva qiegħda ssir bħala parti mir-responsabbiltà soċjali tal-kumpanija lejn il-komunità u b’apprezzament għall-fatt li l-ħaddiema qed jiġu assistiti finanzjarjament mill-Gvern lokali. 

Hu sostna li fl-ewwel xahar ta’ din l-inizjattiva, diġà ngħataw ‘il fuq minn 19,700 siegħa ta’ servizzi lill-komunità bla ebda ħlas. Qal li hu ta’ sodisfazzjon li aktar minn 700 ħaddiema qegħdin ikunu ta’ assistenza fil-komunità b’diversi xogħlijiet ta’ tisbiħ, tindif u anke manutenzjoni madwar Malta kollha. 

Semma wkoll kif bħala servizz kummerċjali, qed joffru wkoll servizz ta’ sanitizzazzjoni professjonali lil diversi kumpaniji, ristoranti, stabbilimenti kummerjċali u anke lit-trasport pubbliku. 

Fil-fatt, hu semma li fl-aħħar ġimgħat il-kumpanija OZO Group ġiet fdata bis-sanitizzazzjoni u d-diżinfestazzjoni ta’ iktar minn 300 karozza tal-linja kuljum. 

Il-ħaddiema jibqgħu l-akbar prijorità

Min-naħa l-oħra, Fabio Muscat qal li l-ħaddiema jibqgħu l-akbar prijorità fi ħdan din il-kumpanija. Qal li grazzi għall-ħidma tagħhom, il-kumpanija kisbet diversi suċċessi u għalhekk f’dan iż-żmien ħassew li kellhom jissalvagwardjaw l-impjiegi tal-ħaddiema b’apprezzament għal-lealtà tagħhom. 

Hu semma li ħadu anke diversi inizjattivi biex jipproteġu lill-impjegati tagħhom. Fost l-oħrajn, semma kif mas-70 ħaddiema li jaħdmu fl-amministrazzjoni ngħataw l-opportunità li jaħdmu mid-dar ħalli jevitaw ir-riskju ta’ trażmissjoni fl-uffiċini.

Rigward il-pjani tal-kumpanija għall-futur, il-Kap Eżekuttiv ta’ OZO Group qal li dejjem kienu fuq quddiem fl-industrija fejn tidħol l-innovazzjoni. Qal li llum, aktar minn qattt qabel, iridu jkunu innovattivi biex jiffaċċjaw din ir-realtà ġdida ta’ wara l-pandemija. Semma kif il-prijorità se tibqa’ li jinvestu fil-kwalità tas-servizz li joffru lill-klijenti tagħhom, ħalli jkomplu jsaħħu l-pożizzoni tagħhom fl-industrija. 

Ma naqasx milli jsemmi li bħal kumpanija oħra, dan iż-żmien hu wieħed ta’ sfidi kbar fejn jidħlu likwidità u finanzi. Saħaq li l-inċertezza ta’ dak li se jiffaċċjaw ladarba l-pandemija tgħaddi ma tgħinx. Madankollu, hu qal li grazzi għall-għaqal tal-kumpanija, se jkunu jistgħu jiffaċċjaw dawn l-isfidi b’ottimiżmu.

Sport