Wara sentejn ta’ attakki bla waqfien mill-Gvern Iżraeljan immexxi minn Netanyahu, fl-aħħar jiem rajna il-waqfien mill-attakki qawwija li kien għaddejjin u li ġabu lil Gaża ħerba. Il-ftehim ta’ waqfien mill-attakki, iffirmat minn Hamas u Iżrael bħala parti mill-pjan ta’ paċi ta’ 20 punt, ġab pawża fl-attakki ta’ Iżrael. It-truppi Iżraeljani irtiraw lejn il-linja ta’ rtirar inizjali minn Rafah fin-nofsinhar għal Gaza City fit-tramuntana tul il-fruntiera, u madwar 2,000 priġunier Palestinjan inħelsu.
Kif tħabbar il-ftehim, ħafna kienu dawk li qabżu fuqu u kienu pronti ħarġu jfaħħru lil Istati Uniti u lil President Donald Trump, u ma naqsux li jattribwixxuh lilu. Diversi ġurnali attribixxew dan il-ftehim lil Trump.
Ejja ngħiduha kif inhi. Sa issa rajna biss lil Iżrael jwaqqaf l-attakki, irħilu li mindu tħabbar li se jieqfu l-attakki, bi skuża jew għal oħra xorta seħħew attakki u inqatlu n-nies. Filfatt fl-aħħar sigħat, l-awtoritajiet tas-saħħa Palestinjani iddikjaraw li mindu suppost waqaf il-ġlied, inqatlu 44 Palestinjan b’attakki minn Iżrael f’Gaża. It-tbatija u n-nuqqas kbar għal Palestinjani għadhom hemm.
M’għandna l-ebda dubju li dan il-ftehim biex jieqfu l-attakki mhu ebda kisba ta’ Trump. Qegħdin ngħidu dan għax l-appoġġ politiku, ekonomiku u militari mill-Istati Uniti lill-Iżrael, wasslu għal sentejn ta’ attakki li fihom mietu aktar minn 60,000 persuna. Rajna tfal jinqatlu u jitbiċċru, rajna sptarijiet jiġu attakkati, skejjel ukoll sfaw fil-mira, l-istess kif ġralhom kampijiet tar-refuġjati. Imbagħad rajna l-kriżi tal-ġuħ tintuża bħala arma. Kieku Iżrael ma kellux l-appoġġ ta’ l-Istati Uniti, kienu din il-katastrofi umana, li għadha għaddejja, ma kinitx isseħħ. Li ġara imma li l-Istati Uniti tat ir-riħ, għalqet għajnejha, u appoġġjat bi sħiħ lil Iżrael f’dawn l-attakki.
Hu fatt li l-ftehim ta nifs lill-Palestinjani f’Gaża. Il-problemi ma’ naqsux, b’mod partikolari meta rajna lill-Ħamas jerġgħu jibdew jeżerċitaw il-poter tagħhom b’eżekuzzjonijiet fil-pubbliku. Il-mistoqsija wara dan is-suppost ftehim hi dik ta’ kemm se jdum? Il-ftehim ġab pawża mill-attakki. Biss li hemm bżonn fil-Lvant Nofsani u f’Gaża hi paċi dejjiema. Li ż-żewġ popli jgħixu fil-paċi. Hu ċar, għalkemm mhux kulħadd jifhimha, li Iżrael ma jistax jgħix fil-paċi, jekk il-Palestinjani ma jgħixux fil-paċi.
Minkejja li l-attakki waqfu u nħelsu l-ostaġġi, kollox qiegħed jindika li hemm intoppi li mhux faċli jinħallu. Fost dawn hemm id-diżarm tal-Ħamas. Wara li daħal fis-seħħ il-ftehim, il-Ħamas beda jerġa’ jidher f’Gaża u beda renju ta’ terrur immirat lejn ir-residenti. Kollox qiegħed li se jieħdu ammont a’ żmien sew l-isforz biex il-Ħamas jiġi diżarmat u sostitwit bħala organizzazzjoni governattiva f’Gaża.
Hu ċar ħafna li biex il-ftehim ta’ paċi jseħħ, il-Ħamas m’għandux jerġa’ jkun theddida għal Iżrael u għall-istabbiltà tar-reġjun.
Wieħed irid iżomm f’moħħu li s-skiet u l-indifferenza li urew ħafna pajjiżi madwar id-dinja għall-attakki, wasslu biex il-poplu tagħhom illum qegħdin jinżlu fit-toroq u jipprotestaw. Rajnihom fi Franza, Spanja, l-Italja, l-Belġju, Ateni, l-Ingilterra, l-Olanda u l-Iżvizzera fost oħrajn.
Attakki ġodda minn Iżrael, il-fatt li l-Palestinjani f’Gaża għadhom neqsin minn provvisti ta’ ikel bażiku, u nuqqas ta’ ċarezza fil-ftehim, jistgħu faċilment jieħdu kollox lura.
Jidher ċar li jekk mhux se jkun hemm sforz diplomatiku sinifikanti, hemm riskju kbir li jkun hemm ritorn għas-sitwazzjoni li kienet tipprevali lejlet is-7 ta’ Ottubru 2023. Xenarju bħal dan jikkundanna żewġ popli, maqbuda fit-trawmi tagħhom, biex jgħixu fil-biża’ ta’ massakri ġodda.
L-istorja wriet x’kapaċi jagħmlu iż-żewġ naħat f’dan il-kunflitt meta jitħallew waħedhom.
Il-kisba tal-paċi ġusta li s-soluzzjoni ta’ żewġ Stati tista’ tiggarantixxi teħtieġ l-impenn u l-konsistenza tal-partijiet kollha. Kollox qiegħed jindika li dan jibqa’ prospett imbiegħed ħafna.