Fl-isfond tad-daqq u l-mużika ferriħija tal-Milied, flimkien mat-tiżjin assoċjat ma’ dawn il-jiem ta’ festi, is-Sibt li għadda l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż wasslu l-messaġġi u l-awguri tagħhom lill-poplu Malti u Għawdxi. Dan sar waqt l-attività “Milied Flimkien”, fejn twassal messaġġ ċar favur il-paċi u s-solidarjetà. Dan anke fid-dawl tal-kunflitti globali li għadhom għaddejjin sal-lum il-ġurnata.
Li niċċelebraw il-Milied Flimkien ifisser li nibqgħu nkunu solidali ma’ xulxin, mal-batut u mal-fqir filwaqt li naħsbu anke f’dawk li jinsabu waħedhom f’dawn iż-żminijiet u naraw x’nistgħu nagħmlu biex lil dawn in-nies ngħinuhom ukoll. U bħala poplu aħna magħrufin għall-valuri tal-empatija u s-solidarjetà. Xhieda ta’ dan hi l-inizjattiva Rigal bi Mħabba fejn inġabru mat-8,000 rigal li se jingħataw lil tfal vulnerabbli madwar Malta u Għawdex.
Għalhekk, il-messaġġ ċar li għandu joħroġ minn dawn il-jiem sbieħ ta’ festi huwa l-bżonn li din is-solidarjetà tibqa’ tintwera’ matul is-sena kollha meta nafu li hawn daqstant persuni, mhux f’Malta biss imma wkoll madwar id-dinja li ma messithomx l-istess xorti tajba kif messet lilna.
Hawn naqblu ma’ dak li qalet il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, li dak li jgħaqqadna huwa l-fatt li aħna nħossu għal xulxin, jimportana minn xulxin u fejn naraw li hemm it-tbatija u l-bżonn, ma noqogħdux lura milli ngħinu. Barra minn xtutna, Malta hija wkoll impenjata bi sħiħ biex ikun hawn paċi dinjija.
Nemmnu wkoll li dan is-sens ta’ solidarjetà u altruwiżmu se jerġa’ jintwera nhar il-Ġimgħa li ġej, waqt il-maratona l-Istrina b’risq il-Malta Community Chest Fund. Tassew illi s-somma li se tinġabar waqt din il-maratona se tkun qed tixhed kemm il-poplu Malti, meta jiġi mitlub biex jagħti sehmu għal kawżi ġusti, jagħmel b’dan b’qalbu kollha.
Jeħtieġ li dan is-sens qawwi ta’ ġenerożità nkomplu nrawmuh anke fost il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar tagħna sabiex bħala poplu nibqgħu nkunu dejjem solidali ma’ xulxin għaliex il-ftit mingħand il-ħafna jagħmel differenza kbira fil-ħajja ta’ dawk l-aktar fil-bżonn.

