Il-Gvern se jagħti pagament ta’ €500 lill-ġenituri ta’ tfal li jattendu fl-Iskejjel Sekondarji u li qegħdin fis-sena 10 u 11, biex jinkoraġġixxi l-użu diġitali marbut mal-qasam edukattiv. Din il-miżura tikkumplimenta l-miżura tas-sena li għaddiet meta ngħata madwar 20,000 apparat diġitali għall-istudenti tar-Raba’, tas-Seba’, tat-Tmien u tad-Disa’ sena.
Din il-miżura hija wkoll parti mill-viżjoni tal-Istrateġija għall-Edukazzjoni 2024-2030 u fuq kollox marbuta mal-Viżjoni Malta 2050 li t-tielet pilastru tagħha jindirizza r-reżiljenza u l-edukazzjoni, b’reazzjoni għal sfidi bħall-bidla teknoloġika, il-pressjonijiet klimatiċi u l-bidliet demografiċi.
Dettalji dwar din il-miżura ngħataw mill-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima.
Il-Ministru Michael Falzon ħabbar li hemm total ta’ 7,483 ġenitur jew kustodju li se jibbenefikaw u li bejniethom jirrappreżentaw 7,740 student. Dan qed issir b’investiment ta’ €3.87 miljun.
‘‘Din hija l-politika tanġibbli li qed tasal għand il-familji tagħna, għaliex nemmnu li jista’ jkollna aktar impjiegi ta’ kwalità fil-futur, dejjem jekk ninvestu aktar fl-edukazzjoni bikrija. Magħna kulħadd jaf fejn qiegħed’’, stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima qal li din il-miżura hija investiment ieħor konkret fl-istudenti u fil-futur tagħhom. Huwa qal li permezz ta’ dan l-appoġġ ta’ €500, il-familji se jkunu jistgħu jinvestu f’apparat diġitali li jkompli jsaħħaħ l-esperjenza edukattiva tal-istudenti.
Il-Ministru Grima qal, “F’dinja dejjem aktar diġitali, huwa importanti li niżguraw li kull student ikollu aċċess għall-għodod meħtieġa biex jitgħallem, jiżviluppa l-ħiliet tiegħu u jħares b’kunfidenza lejn il-futur”.
Dawk li huma intitolati għal din il-miżura se jirċievu messaġġ (sms) jew ittra ta’ nformazzjoni. Kull min ikollu bżonn aktar informazzjoni jew kjarifika għandu jagħmel kuntatt fuq Freephone Servizz.gov 153 estensjoni 14, li hija l-estensjoni tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni.



