Monday, December 9, 2024

Pajjiż ta’ Kwalità: Ħames snin ta’ ristrutturar f’San Vinċenz de Paul qed iwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall-anzjani

Aqra wkoll

Il-kumpless San Vinċenz de Paul qed ikompli jtejjeb is-servizzi tiegħu biex jipprovdi kwalità ta’ ħajja aħjar għall-anzjani li jagħmlu użu minnhom. F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, ħabbar li s-sena 2025 ser tkun importanti billi timmarka l-għeluq ta’ ħames snin ta’ ristrutturar estensiv. Matul dan il-perjodu, saru proġetti infrastrutturali u ġew introdotti servizzi ġodda biex jitjiebu l-kumdità u l-kura tal-anzjani.

Is-Segretarju Parlamentari spjega li dawn l-investimenti huma mfassla biex itejbu mhux biss l-ambjent tar-residenza, iżda wkoll biex jiżdiedu s-servizzi mediċi offruti. “Qegħdin nespandu b’aktar kliniċi u nintroduċu apparat mediku modern biex nirrispondu aħjar għall-bżonnijiet tar-residenti u ntejbu l-esperjenza tagħhom,” qal Agius Galea. Huwa tenna li l-impenn ta’ San Vinċenz de Paul hu li jkompli joffri l-ogħla livell ta’ kura mhux biss għar-residenti tiegħu iżda wkoll għall-anzjani riferuti mill-komunità u minn djar oħra tal-anzjani.

Diversi swali ġew rinovati matul dawn il-ħames snin, inkluż il-proġetti fis-swali St Frances 1 u 2, li dalwaqt se jkunu lesti biex jilqgħu sa 64 resident ġdid b’servizzi moderni. Ix-xogħlijiet biex titkabbar l-ispiżerija ta’ SVP se jippermettu aktar ħażna għal mediċini u provvisti farmaċewtiċi, u b’hekk se tonqos id-dipendenza fuq is-CPSU, filwaqt li tiżdied l-effiċjenza fil-provvista tal-kura.

Il-kumpless saħħaħ ukoll il-kura medika tiegħu b’apparat ġdid, fosthom magni tal-ultrasound u bone density scanners li eliminaw il-listi ta’ stennija għal dan it-test. Fil-futur qrib, se jiddaħħlu wkoll cardiac monitors ġodda, x-ray machines portabbli, u air mattresses tal-aħħar teknoloġija biex titkompla t-titjib tal-kumdità u l-kura tar-residenti.

Kif imsemmi fid-diskors tal-budget, San Vinċenz de Paul se jibda jimplimenta unit għad-dijalisi b’numru ta’ magni li se jnaqqas b’mod sinifikanti l-piż fuq l-isptar Mater Dei. Barra minn hekk, se jiġi mwaqqaf dipartiment ġdid għall-kura paljattiva biex jingħata appoġġ speċjalizzat lill-pazjenti u lill-familji tagħhom. Bl-istess mod, b’investiment ta’ żewġ miljun ewro, ser tiġi introdotta magna tal-MRI li se tgħin fit-tnaqqis tal-listi ta’ stennija u tipprovdi scans aktar effettivi għall-anzjani. Hemm ukoll pjanijiet biex jiġi żviluppat unit għal kura intermedjarja, li ser ikun kruċjali biex jappoġġja l-kura, l-irkupru u t-tranżizzjoni ta’ pazjenti mill-isptar għal kura fid-dar. Fil-fatt, diġà għaddej proġett pilota ta’ kura intermedjarja li, tul dawn l-aħħar xhur, wera riżultati pożittivi ħafna u sodisfazzjon kemm mill-pazjenti nfushom kif ukoll minn qrabathom.

Ekonomija

Sport