Wednesday, December 25, 2024

Pajjiż ta’ Kwalità: Lejn Turiżmu ta’ Kwalità Ogħla u Sostenibbli

Aqra wkoll

Għall-ewwel darba fl-istorja, sa tmiem din is-sena, in-nefqa turistika fl-ekonomija Maltija ser taqbeż it-€3 biljun. Dan huwa riżultat ta’ ppjanar speċifiku għal kull suq ġeografiku li huwa kkumplimentat minn titjiriet diretti ma’ madwar 110 ajruport u attività promozzjonali f’iżjed min 40 pajjiż madwar id-dinja.

Ir-realtajiet tal-lum jirrikjedu li l-kejl tas-suċċess fit-turiżmu jmur lil hinn mill-volumi imma jkun aktar iffukat fuq tliet kriterji importanti: l-esperjenza, in-nefqa u l-iljieli mqattgħin.

Dan ġie elenkat mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet titratta l-preżent u l-futur tal-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità.

“Illum id-diskussjoni fil-pajjiż m’għadhiex dwar jekk hux ġejjin turisti. Imma x’tip ta’ turist rridu. Għaliex ksibna riżultati pożittivi fl-aħħar snin, illum għandna l-lussu li nagħżlu mhux kemm ġejjin ammonti ta’ turisti fis-sena, imma x’tip ta’ viżitatur rridu u x’profil iġorru magħhom. Nemmen li għandna l-opportunità u l-ħeġġa li nieħdu t-turiżmu għal-livell li jmiss: Turiżmu ta’ kwalità ogħla u sostenibbli matul is-sena kollha,” saħaq il-Ministru Bartolo.

Il-Ministru żied jgħid li biex pajjiżna jattira turisti li jħallu nefqa akbar fil-pajjiż, għaddejja ħidma biex titkattar iżjed il-konnettività bl-ajru minn u lejn Malta ma’ ajruporti partikolari. “Nafu fejn irridu naslu. Biex nagħti eżempju, minn dan ix-xahar legacy airline oħra AerLingus bdiet topera tliet darbiet fil-ġimgħa b’titjiriet diretti minn Dublin għal Malta. Dan ifisser iżjed konnettività mat-Tramuntana tal-Ewropa, reġjun li jinkorpora turisti li għandhom il-potenzjal li jirreġistraw nefqa ogħla minn oħrajn,” sostna l-Ministru Bartolo.

Huwa żied jgħid li din il-konnettività tfisser li b’mod sinifikattiv, b’mod indirett, pajjiżna jista’ jilħaq is-suq tal-Amerika ta’ Fuq b’potenzjal ta’ madwar 17-il ajruport mill-Istati Uniti u l-Kanada. “Dan huwa l-pass li jmiss li nimirħu lejn swieq barra mill-Ewropa u ninsabu lesti biex is-sena d-dieħla niftħu l-ewwel uffiċċju tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fi New York,” temm jgħid il-Ministru Clayton Bartolo.

Fi preżentazzjoni dettaljata, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef qal li hemm impenn b’saħħtu biex ikomplu jsaħħu l-isem ta’ Malta bħala destinazzjoni turistika ewlenija. “L-inizjattivi strateġiċi tagħna għandhom l-għan li mhux biss jattiraw lit-turisti iżda wkoll jiżguraw li l-esperjenzi tagħhom ikunu tal-ogħla kwalità. Turist kuntent jerġa’ jiġi f’pajjiżna u anke jirrakkomanda pajjiżna lil oħrajn. Billi niffukaw fuq is-sostenibbiltà u fuq btajjel inqas twal, twassalna biex nagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi tal-pajjiż, u nippreservaw il-wirt uniku tagħna għall-ġenerazzjonijiet futuri. Dan l-impenn qed iwassal għal infiq nett ogħla fl-ekonomija lokali tagħna, li jippermettilna naraw riżultati impressjonanti filwaqt li nsostnu l-prinċipju tal-kwalità”, sostna s-Sur Micallef.

Ekonomija

Sport