L-attivitajiet sportivi huma opportunità għal ħajja sana u dan kemm mil-lat fiżiku, kif ukoll mil-lat mentali. F’era fejn il-problema tal-obesità, il-ħajja sendentarja li ħafna minnha għandna, kif ukoll nuqqas ta’ soċjalizzazzjoni interpersonali minħabba ħin twil fuq apparat teknoloġiku, aktar ma nħeġġu lill-ġenerazzjonijiet iż-żgħar biex jagħmlu attivitajiet sportivi, aktar inkunu qegħdin ninvestu f’ġenerazzjonijiet futuri b’saħħithom. Fil-fatt, il-ftuħ tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke kien żgur wieħed mill-aktar passi tajbin f’din id-direzzjoni.
L-Iskola Nazzjonali tal-Isport tiġbor fiha l-akbar talenti żgħar fix-xena sportiva lokali. Id-dħul f’din l-iskola huwa wieħed selettiv fejn sena wara l-oħra pajjiżna qiegħed irawwem diversi studenti atleti f’għadd ta’ dixxiplini differenti fuq livell li qatt ma rajnu bħalu f’Malta. Ir-riżultati, fil-fatt, diġà qegħdin narawhom. L-isportivi Maltin kisbu suċċess kbir fl-aħħar edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fejn irnexxielhom jerbħu l-akbar ammont ta’ midalji mill-pajjiżi parteċipanti kollha.
Fir-rigward, dan is-sit Talk.mt tkellem ma’ Kancho Adrian Axisa, Black Belt 8th Dan fid-dixxiplina tal-Ispirit Combat, President tad-World Kickboxing Network (WKN), master tat-Tai Chi u coach, gym instructor, kif ukoll terapista tal-messaġġi. Huwa li ddedika ħajtu għall-isports esprima sodisfazzjon kbira għar-riżultati li ġabu l-atleti tagħna u saħaq fl-importanza li l-istudenti f’Malta ma jibqgħux ikunu mbottati biss fuq l-akkademiku imma jingħataw ċans għal karriera fid-dixxiplina li għandhom passjoni għaliha.
Importanti li l-atleti ma jħossuhomx inferjuri
Axisa insista fuq kollox fil-bżonn li nikkonvinċu lill-atleti u lill-coaches li bħala nazzjon, m’aħniex inferjuri għax dan kollu aħna pajjiż żgħir. Dan għax l-atleti tagħna huma rikonoxxuti u mfaħħra għall-qalb kbira li għandhom u l-fatt li huwa biss riċenti li nfetħet din l-Iskola, l-atleti tagħna diġà kisbu riżultati tajbin ħafna. Wieħed jista’ biss jimmaġina, x’talenti se niskopru u jkollna fil-futur.
“Meta jikkompetu u dan anke barra minn Malta, dejjem jgħiduli li huwa veru li aħna pajjiż żgħir, imma l-atleti tagħna għandhom qalbhom kbira. Jekk lill-atleti tagħna nikkonvinċuhom ma jibżgħux mill-pajjiżi akbar minna, nemmen li nistgħu nkunu tajbin ħafna f’diversi dixxiplini sportivi. Jekk l-atleti tagħna jkunu jafu dan żgur li jmorru tajjeb għax huwa importanti ħafna li ma jħossuhomx inferjuri u li jemmnu fihom infushom. Din it-tip ta’ mentalità għandha tkun imħaddna wkoll mill-coaches tagħna,” beda jispjega Axisa.
“It-tfal għandhom jingħataw aktar ħin fl-attività sportiva li jħobbu”
Huwa li beda jitħarreġ minn mindu kellu 17-il sena u llum għandu l-età sabiħa f’forma fiżika eżemplari ta’ 63 sena, il-fatt li għandna skola li trawwem talenti ġodda huwa pożittiv ħafna “għax dawn imorru tajjeb hekk aħseb u ara meta ngħinuhom ikunu fuq livell professjonali”.
Mill-esperjenza tiegħu Axisa jara li, “l-isports ma jagħtuhx prijorità. Lill-istudenti niffokawlhom wisq fuq l-lat akkademiku. Dan meta hemm għandna tfal li ma jkunux jixtiequ l-iskola imma jkunu jridu jiksbu suċċess fl-isports għax din tkun il-vera passjoni tagħhom. Student mill-ewwel jurik u nemmen li t-tfal għandhom jingħataw aktar ħin fl-attività sportiva li jħobbu u li huma tajbin fiha”.
Hawn Axisa ġab l-eżempju tal-artisti, fosthom dawk li jaħdmu l-film fejn qal li, “dawn ma jġibux it-talent tagħhom mix-xejn jitħarrġu kuljum u għal sigħat twal. Naqbel ħafna li jkollna Skola Nazzjonali tal-Isport. Fil-verità, din missha ilha li nfetħet għax barra minn Malta dawn l-affarijiet ilhom is-snin. L-atleti tagħna reħbu kontra pajjiżi oħra u din m’ilhiex li nfetħet. Aħseb u ara kieku ilha. Immaġina x’riżultati akbar kienu jġibu”.
“Nagħtu ċans lill-atleti ħalli t-talent tagħhom ma jinħeliex fix-xejn”
Min-naħa tiegħu Adrian Axisa stqarr li, “fil-verità xtaqt li kieku fi żmieni kien hawn skejjel bħalma hija l-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke. Mhux aħna l-atleti antiki ħlejna l-enerġija kollha fix-xejn. Is-snin jgħaddu malajr. Meta bdejt jien, pajjiżi oħra kienu diġà joffru opportunitajiet tajbin ħafna lill-atleti tagħhom. Jiena tlaqt negozju u kollox biex stajt naħdem fl-arti marzjali imma dak iż-żmien kien kollox għal xejn. Mingħalija li kont se nagħmel karriera kbira u anke xtaqt nikkompeti imma ma stajt insib imkien. Huwa għalhekk li tajt u għadni nagħti ċ-ċans lill-atleti l-ġodda.
L-affarijiet li ma stajtx nagħmel jien, għamilthom u qiegħed nagħmilhom ma’ ħaddieħor. Fil-fatt għandna atleti fil-Kickboxing li saħansitra huma champions tad-dinja. Veru kont il-pijunier imma xtaqt inkun minflok dawn l-atleti li tilgħin issa għax kont mimli enerġija u kont naf li nista’ nkun fil-quċċata. Però, waħdi ma stajtx”.
Huwa li jixtieq li jkollu l-post (dojo) tiegħu biex iħarreġ lill-atleti, mar noqgħod Għawdex u hawn issuġġerixxa li anke f’Għawdex tinfetaħ skola tal-isport bħalma għandna f’Pembroke. “Tajjeb ukoll li jkollna postijiet mgħammra bl-aħħar u bl-aqwa teknoloġija, li fihom isiru t-testijiet kollha relatati minn tobba u fiżjo terapisti biex jaraw x’inhuwa kapaċi jagħmel l-atleta. Nemmen li biex tiftaħ postijiet ta’ dan it-tip irid ikollok tim professjonali ħalli jimmonitorja kollox. Dan bil-għan li żgur niġbru t-talenti kollha lokalii li għandna fil-qasam sportiv”.
Axisa reġa’ faħħar l-inizjattiva li f’pajjiżna “fl-aħħar” għandna Skola Nazzjonali tal-Isport għax ir-riżultati li qegħdin niksbu bħala Maltin, qegħdin jagħmluna kburin.
Huwa tenna li, “tieħu pjaċir meta tisma’ l-barranin jgħidulek li għandna qalbna kbira fosthom mid-WKN li fih hemm affiljati aktar minn 140 pajjiżi differenti.
Dawn il-ħin kollu jfaħħru lil Malta u lill-atleti tagħna. L-atleti Maltin sejrin tajjeb ħafna u dan meta huma stess qaluli li Malta għadha fil-bidu. Qegħdin jindunaw bil-potenzjal kbir li diġà għandhom l-atleti ameteurs tagħna. Immaġina l-livell ferm aktar għoli u professsjoni li se jkollna meta d-dixxiplini sportivi jingħataw aktar prijorità”.