Wara l-inċertezza politika li nħolqot wara l-waqgħa tar-reġim tal-eks president Bashar al-Assad, li biddlet is-sitwazzjoni politika b’mod fundamentali, għadd ta’ pajjiżi Ewropej issospendew l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil għas-Sirjani.
Il-gvern proviżorju tal-Awstrija waqqaf it-talbiet kollha għall-ażil mis-Sirjani u qed jagħmel pjanijiet biex jirripatrija jew jiddeporta nies lura lejn art twelidhom. Il-Ġermanja, fejn hemm jgħixu miljun Sirjan, ir-Renju Unit, Franza u l-Greċja kollha qalu li għalissa se jwaqqfu d-deċiżjonijiet dwar l-ażil.
Din il-mossa potenzjalment se tħalli eluf ta’ Sirjani f’limbu, wara l-kollass tar-reġim ta’ Assad wara 50 sena ta’ ħakma brutali. Skont in-Nazzjonijiet Uniti, mill-2011 ‘l hawn, aktar minn 14-il miljun Sirjan ġew sfurzati jaħarbu minn djarhom u pajjiżhom biex ifittxu s-sigurtà.
Il-Kanċillier konservattiv tal-Awstrija Karl Nehammer, li huwa aħrax u feroċi kontra l-immigrazzjoni, qal f’post fuq is-sit X li l-gvern se jappoġġa u jassisti lis-Sirjani kollha li jridu jirritornaw lejn pajjiżhom wara li kienu sabu kenn fl-Awstrija. Żied jgħid li s-sitwazzjoni tas-sigurtà fis-Sirja trid tiġi evalwata mill-ġdid sabiex id-deportazzjonijiet jerġgħu jsiru possibbli fil-futur.
Madwar 95,000 Sirjan bħalissa jgħixu fl-Awstrija, li ħafna minnhom kienu waslu matul il-kriżi tal-migrazzjoni tal-2015 u l-2016. Ir-reazzjoni kontra tagħhom kienet qanqlet u kabbret l-appoġġ għall-lemin estrem u għall-konservattivi fl-Awstrija.
L-Uffiċċju Federali tal-Ġermanja għall-Migrazzjoni u r-Refuġjati ukoll waqqaf l-applikazzjonijiet kollha pendenti minn dawk is-Sirjani li jfittxu ażil. Bħalissa hemm 47,270 Sirjan fil-Ġermanja qed jistennew tweġiba għall-applikazzjonijiet tagħhom għall-ażil. Dawk li diġà ngħataw l-ażil mhumiex se jiġu affettwati.
Il-Ġermanja għandha l-akbar popolazzjoni tad-dijaspora Sirjana barra mill-Lvant Nofsani, b’madwar miljun Sirjan jgħixu fil-Ġermanja. Madwar 700,000 minnhom huma kklassifikati bħala refuġjati.
Is-Segretarju tal-Intern Brittaniku Yvette Cooper ikkonfermat li r-Renju Unit waqqaf id-deċiżjonijiet dwar l-ażil mis-Sirja filwaqt li l-Uffiċċju tal-Intern qed jirrevedi u jimmonitorja s-sitwazzjoni attwali.
Cooper qalet li s-sitwazzjoni fil-pajjiż miexja b’mod estremament mgħaġġel wara l-waqgħa tar-reġim ta’ Assad u żiedet tgħid li xi nies diġà qed jirritornaw lejn is-Sirja.
Bejn l-2011 u l-2021 aktar minn 30,000 Sirjan ingħataw ażil fir-Renju Unit. Ħafna minn dawn ġew risistemati taħt skemi umanitarji u ġew direttament minn pajjiżi oħra li kienu ħarbu lejhom, bħat-Turkija u l-Libanu.
Fl-2019, ġie kkalkulat li madwar 47,000 Sirjan kienu qed jgħixu fir-Renju Unit, iżda dak in-numru huwa maħsub li minn dak iż-żmien naqas għal 30,000.
Franza wkoll qed taħdem fuq politika simili għal dik imressqa mill-Ġermanja, b’deċiżjoni mistennija fi żmien qarib.
Intant, eluf ta’ Sirjani eżiljati fil-Libanu u l-Ġordan kienu qed jirritornaw lura lejn djarhom. Iżda fuq il-fruntiera Libaniża, il-fluss kien fiż-żewġ direzzjonijiet. Numru dejjem jikber ta’ Sirjani kienu qed jippruvaw jidħlu fil-Libanu, u dan wassal għal rinforzi militari Libaniżi. Xi wħud beżgħu minn żieda fil-kaos jew il-kriminalità, għalkemm jgħidu wkoll li rċevew serħan il-moħħ li dan mhux se jseħħ.
Il-Libanu jospita aktar minn miljun refuġjat Sirjan iżda kien qed jissikka r-regoli biex dawn jidħlu fil-pajjiż.