Malta, bħal pajjiżi oħra fil-periferija tal-Ewropa għandha rata ta’ fertilità baxxa ħafna. Fil-fatt, in-nisa Maltin ikollhom biss bejn 1.20 u 1.35 ulied tul ħajjithom. Dan huwa riflessjoni ta’ sitwazzjoni fejn it-twelidijiet qed ikunu baxxi fl-istess waqt li l-popolazzjoni qed tixjieh għax in-nies qed jgħixu iktar.
Stħarriġ li sar mill-Uffiċċju għas-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew għal din is-sena wera kuntrasti demografiċi fejn irriżulta illi filwaqt li l-popolazzjoni dinjija qed tiżdied b’mod kostanti u qed issir proporzjonalment iżgħar, il-popolazzjoni tal-UE qed tixjieħ b’rata mgħaġġla, b’età medjana ta’ 43.9 snin fl-2020, meta mqabbla ma’ 38.4 sena għoxrin sena ilu.
Dan huwa dovut għal żieda fil-lonġevità (għomor tal-ħajja ta’ 81.3 snin fl-2019 meta mqabbel ma’ 69.86 fis-snin sittin), iżda wkoll għal rata ta’ twelidijiet li qed tiċkien, li tammonta għal 4.05 miljun twelid fl-2019, meta mqabbla ma’ 6.79 miljun fis-sittinijiet. Dan il-fatt wassal ukoll, biex il-popolazzjoni fl-eta tax-xogħol tiċkien fl-Unjoni Ewropea.
Madankollu, qed jidher ċar li l-influwenza tal-pandemija kienet aktar sinifikanti fl-2021 milli matul is-sena ta’ qabel – pereżempju, ‘mortalità eċċessiva’ żdiedet saħansitra aktar, filwaqt li l-istennija tal-ħajja (life expectancy) naqset f’ħafna Stati Membri tal-UE.
Il-pandemija aċċellerat ukoll fenomenu ieħor, preżenti f’ħajjitna f’dawn l-aħħar deċennji: it-tranżizzjoni diġitali. Il-miżuri ta’ distanza soċjali ffavorew l-awtomazzjoni u d-diġitizzazzjoni billi l-użu akbar ta’ gvern elettroniku wasslu għal rati ogħla ta’ xogħol mid-dar.
B’mod parallel ma’ dan, dehru problemi u sfidi ġodda, li laqtu diversi gruppi demografiċi b’modi differenti u fi gradi differenti. Il-frodi diġitali, it-theddid ċibernetiku, id-dipendenza diġitali u l-qasma diġitali li qed tikber komplew joħolqu aktar sfidi għaċ-ċittadini tal-UE.
Il-Eurostat – l-uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea qed jipproġetta li l-Italja se tkun l-ewwel waħda li tilħaq età medjana ta’ 50 sena, fl-2030, segwita mill-Portugall fl-2035 u l-Greċja fl-2036.
Qed jiġi mbassar li fl-2050, l-Italja se li jkollha l-eqdem età medjana fost is-27 stati membri tal-UE b’51.6 snin, segwita mill-Portugall b’51.2 snin. Fl-2070, iż-żewġ pajjiżi bl-ogħla etajiet medjani se jkunu l-Polonja b’52.6 snin u l-Italja b’52.1.
L-istħarriġ sab ukoll li l-prevalenza tan-nisa hija karatteristika fi gruppi ta’ età akbar, li tirrifletti l-lonġevità tagħhom (bħala medja) hi akbar minn ta’ l-irġiel. Din id-differenza bejn is-sessi fl-istennija tal-ħajja naqset xi ftit iżda hija mistennija li tkompli, bl-istennija tal-għomor medja tal-UE-27 mat-twelid fl-2019 stmata għal 84 sena għan-nisa u 78.5 snin għall-irġiel. Din hija żieda ta’ 0.3 snin għaż-żewġ sessi mill-2019 sal-2020.
Il-Perspettivi Demografiċi għall-Unjoni Ewropea, kif inhu msejjaħ dan l-istħarriġ, urew ukoll li soċjetà li qed tixjieħ iġġib magħha sfidi relatati mad-domanda dejjem tikber għas-servizzi tas-saħħa u l-kura, is-solitudni, u l-inklużjoni soċjali tal-anzjani.