Tuesday, January 27, 2026

“Pajjiżi kostali għandhom ikomplu jaħdmu biex iwaqqfu x-shadow fleet tar-Russja”

Id-Deputat Prim Ministru Borg jiftaħ il-Konferenza tal-Bord ta’ Sorveljanza dwar is-Sanzjonijiet 2026 fil-Belt Valletta

Aqra wkoll

“Malta u pajjiżi kostali oħra għandhom interess komuni li jiżguraw li s-sanzjonijiet internazzjonali jitwettqu b’mod effettiv u konsistenti, b’mod partikolari biex jegħlbu r-riskji tal-hekk imsejħa shadow fleet tar-Russja.”

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, saħaq dwar l-importanza ta’ infurzar b’saħħtu kontra prattiċi marittimi qarrieqa, fosthom ix-shadow fleet, meta kien qed jiftaħ il-Konferenza Annwali tal-Bord ta’ Sorveljanza dwar is-Sanzjonijiet fil-Belt Valletta, it-Tnejn filgħodu. Spjega li dan l-infurzar jeħtieġ miżuri kkoordinati, legali u ffukati biex jiskansaw l-evitar tas-sanzjonijiet, filwaqt li jirrispettaw il-liġijiet marittimi internazzjonali u jħarsu n-negozju leġittimu.

Dr Borg tkellem dwar l-impenn ta’ Malta, bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u tan-Nazzjonijiet Magħquda, u bħala ġuriżdizzjoni marittima responsabbli, biex tissaħħaħ is-superviżjoni, il-konformità u l-kooperazzjoni, b’konformità mal-istrutturi tas-sanzjonijiet internazzjonali u Ewropej.

It-tibdil fil-ħtiġijiet regolatorji u l-iżviluppi ġeopolitiċi qed ibiddlu s-sanzjonijiet globali, u qed iżidu r-responsabiltajiet fuq Malta mhux biss bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u tan-Nazzjonijiet Magħquda, iżda wkoll bħala ġurisdizzjoni marittima u bħala stat li għandu sehem fdat fis-sistema finanzjarja internazzjonali. “L-aggressjoni kontinwa tar-Russja kontra l-Ukrajna tibqa’ theddida serja għas-sigurtà Ewropea, u wasslet għal pakketti suċċessivi ta’ sanzjonijiet mill-Unjoni Ewropea maħsuba biex iċaħħdu l-aċċess għal teknoloġiji li jintużaw għal għanijiet militari, jew li għandhom użu doppju,” żied jgħid. 

F’dan ir-rigward, Malta kompliet issaħħaħ il-ħidma tagħha, b’aktar monitoraġġ tar-rendikont tal-istorja tal-vapuri, tal-merkanzija tagħhom, is-sidien, u l-konformità mas-sistema tal-AIS, u b’hekk ipoġġu prattiċi u ġurisdizzjonijiet ta’ riskju għoli taħt skrutinju aktar intensiv. Malta kompliet ukoll turi t-tmexxija tagħha bit-twaqqif taċ-Ċentru Globali għall-Monitoraġġ tas-Sanzjonijiet Marittimi fil-Belt Valletta, li sar pjattaforma essenzjali għall-ħidma kkoordinata biex jitwaqqaf il-mudell kummerċjali li fuqu tistrieħ ix-shadow fleet.

Id-Deputat Prim Ministru faħħar lill-Bord ta’ Sorveljanza dwar is-Sanzjonijiet għat-tisħiħ tal-impenn tiegħu mal-awtoritajiet rilevanti u dawk involuti fis-settur privat, hekk kif qed jagħti aktar gwida operattiva lejn implimentazzjoni konsistenti. Dan l-isforz kien ukoll appoġġjat mit-titjib leġiżlattiv adottat mill-parlament fl-2025, sabiex jiżgura li l-qafas tas-sanzjonijiet ta’ Malta jibqa’ b’saħħtu u infurzabbli. 

Aktar minn 250 persuna involuti f’dan il-qasam ħadu sehem fil-Konferenza tal-Bord ta’ Sorveljanza dwar is-Sanzjonijiet ta’ din is-sena, li ġabret flimkien awtoritajiet pubbliċi, is-settur privat u esperti internazzjonali, taħt it-tema The Malta Sanctions Compliance Nexus 3.0: Compliance in Motion, Reform, Risk and Sector Resilience.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport