Wednesday, March 25, 2026

Pajjiżna dejjem għażel li jkun minn ta’ quddiem nett biex jesplora u jibni qafas regolatorju li jattira industriji innovattivi u emerġenti

– Il-Prim Ministru Robert Abela

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri, inawguraw l-uffiċini ta’ Blockchain.com – kumpanija bi klijentela u pjattaforma globali għall-assi diġitali.

Waqt l-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li pajjiżna dejjem għażel li jkun minn ta’ quddiem nett biex jesplora u jibni qafas regolatorju li jattira industriji innovattivi u emerġenti. “Dan rajnieh f’setturi differenti, mis-servizzi finanzjarji sar-remote gaming, mill-fintech sal-assi diġitali. Malta konsistentament poġġiet lilha nnifisha bħala ġurisdizzjoni li lesta tifhem mudelli ġodda u tirregolahom b’ċarezza. Dak l-approċċ sawwar it-tip ta’ ekonomija li qed nibnu,” saħaq Dr Abela.

Huwa żied jgħid li bħala pajjiż dejjem rajna li nattiraw kumpaniji li joħolqu valur miżjud u li jeħtieġu għarfien espert, u li jikkontribwixxu għal struttura ekonomika aktar b’saħħitha u reżiljenti.

Il-Prim Ministru qal li matul is-snin, pajjiżna mexa minn ekonomija fejn l-opportunitajiet kienu limitati, għal waħda fejn inħolqu perkorsi ta’ karrieri ġodda u ta’ kwalità. Huwa tenna li din it-trasformazzjoni mhijiex inċidentali, imma frott ta’ għażliet intenzjonati, sforz tal-kapaċità li naddattaw, fejn meħtieġ, u li ninvestu f’setturi li jwessgħu l-firxa ta’ opportunitajiet għall-Maltin u l-Għawdxin.

“Fl-aħħar mill-aħħar, dan jorbot ma’ ambizzjoni sempliċi iżda importanti, dik li Malta ssir post fejn uliedna jistgħu realistikament jaspiraw li jibnu l-karrieri li joħolmu bihom, mingħajr ma jħossu li jridu jitilqu minn pajjiżna biex jagħmlu dan,” innota il-Prim Ministru Abela. Dan filwaqt li saħaq li l-Gvern se jibqa’ impenjat li jassigura li l-ambjent ekonomiku ta’ pajjiżna jżomm il-pass ma’ dawk l-aspirazzjonijiet.

Dr Abela rrefera għall-viżjoni fit-tul ta’ pajjiżna – il-Viżjoni Malta 2050, li hija ċċentrata fuq li nsostnu ekonomija xprunata mill-għarfien, l-ispeċjalizzazzjoni u l-allinjament aħjar mal-industriji tal-futur. Kif ukoll fuq it-tisħiħ tar-rabta bejn l-edukazzjoni, ir-regolamentazzjoni, u l-iżvilupp ekonomiku. Il-Viżjoni Malta 2050 qed tiżgura t-tkabbir ekonomiku li jissarraf f’opportunitajiet reali għal kulħadd, snin itwal ta’ ħajja b’saħħitha, dħul aħjar u kwalità ta’ ħajja aktar vibranti.

F’dan il-kuntest, tenna l-Prim Ministru, l-iżvilupp kontinwu ta’ setturi bħall-finanzi diġitali għandu rwol importanti. Mhux bħala pilastru iżolat, iżda bħala parti minn ekosistema usa’ li tappoġġa l-innovazzjoni filwaqt li żżomm il-fiduċja u l-obbligu ta’ rendikont.

“Il-flessibilità, l-abbiltà li naddattaw, l-impenn sostnut u l-istabbiltà li joffri pajjiżna, jippermettu lill-kumpaniji jkomplu joperaw f’pajjiżna b’fiduċja. Huwa propju dak li jippermetti ekonomija bħal tagħna biex tibqa’ rilevanti f’xenarju li dejjem qed jinbidel,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Il-Ministru Silvio Schembri nnota kif b’madwar 30 kumpanija u aktar minn 400 persuna li issa qed jaħdmu fl-industrija tal-blockchain u tal-crypto, qed naraw il-viżjoni stabbilita fl-2018 għall-ekonomija diġitali tieħu l-ħajja b’mod deċiżiv. “Mibnija fuq protezzjoni qawwija tal-investitur u ċarezza regolatorja, din l-ekosistema tkompli tattira operaturi ta’ kwalità għolja filwaqt li tpoġġi lil Malta fuq quddiem nett fl-innovazzjoni emerġenti. Hekk kif qed inħarsu ’l quddiem, qed nesploraw b’mod attiv fruntieri ġodda bħas-swieq tat-tbassir, qasam ta’ momentum globali dejjem jikber li jiżgura li l-innovazzjoni tkun akkumpanjata minn qafas leġislattiv ċar, responsabbli u li jħares ’il quddiem,” qal il-Ministru Schembri.

Imwaqqfa fl-2011 fir-Renju Unit, Blockchain.com bdiet bħala waħda mill-ewwel pjattaformi li tippermetti lill-klijenti jużaw tranżazzjonijiet tal-Bitcoin. Maż-żmien, il-kumpanija kibret f’pjattaforma globali għall-assi diġitali, b’diversi servizzi, biex illum taqdi madwar 90 miljun klijent madwar id-dinja.

F’Malta, Blockchain.com ibbażat preżenza strateġika, iffukata fuq il-governanza, il-konformità u l-kontroll regolatorju. Din il-kumpanija hija liċenzjata mill-MFSA u qed tħares li tkompli tespandi l-operat tagħha fis-suq Ewropew.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport