Friday, December 27, 2024

Pajjiżna jgawdi min 13-il bajja Blue Flag madwar Malta u Għawdex

Aqra wkoll

Bħalissa pajjiżna jgawdi min 13-il bajja Blue Flag madwar Malta u Għawdex, fejn l-Awtorità ta’ Turiżmu timmaniġja 8 mill-bajjiet li jinsabu f’Malta u l-Ministeru għal Għawdex jieħu ħsieb il-bajjiet f’Għawdex. Waħda mill-kriterji tal-Blue Flag International hija li l-bajjiet ikunu aċċessibli bl-aħjar mod possibli. Apparti dawn, hemm numru ta’ bajjiet oħra aċċessibli, immaniġjati mill-Awtorità għat-Turiżmu.

Qal dan il-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo fil-Parlament meta kien qed iwieġeb għall-mistoqsija illi saritlu mid-Deputata Nazzjonalista Graziella Galea. Il-Ministru Barolo kompla jispejga li fil-Bajja tal-Għadira wieħed jista jsib żewġ passaġġi tal-injam li jwassluk mill-entratura tal-bajja sa ftit ċentimetri ‘l bogħod mill-ilma, u jistgħu jintużaw minn kullħadd biex jiffaċilataw il-mixi fuq ir-ramel. 

Irrimarka li hemm ukoll żewġ beach buggies li jistgħu jintużaw kemm fuq ir-ramel kif ukoll ġol-ilma. Insibu parkeġġi blu kif ukoll fuq il-blat hemm beach hoist chair li huwa siġġu għal dawk il-persuni li jkollhom bżonn għajnuna biex jinżlu fl-ilma.

Fir-rigward tal-Bajja tal-Mixquqa magħrufa bħala Golden Bay, hemm ukoll passaġġ tal-injam, ta’ iktar min 100 metru li jwassal lil dak li jkun mir-rampa tal-entratura sa ftit ċentimetri bogħod mill-ilma. Dan filwaqt li fil-bajja ta’ Buġibba, hemm passaġġi tal-injam mir-rampa tal-entratura sa ftit ċentimetri ‘l bogħod mill-ilma, parkeġġ blue u żewġ bridges mill-bajja sal-ilma armati b’handrails biex in-nies iżommu magħhom u jiffaċilitaw l-aċċess għal ġol-baħar.

Fil-ponta tal-Qawra nsibu Parkeġġi Blu, Beach Hoist Chair u numru ta’ slielem, passagi tal-injam u handrails li jkomplu jagħmlu l-bajja iktar aċċessibli. Fil-Bajja ta’ San Ġorġ f’Pacevile hemm ukoll passaġġ tal-injam mir-rampa tal-entratura sa ftit ċentimetri ‘l bogħod mill-ilma u parkeġġ blu. Hawnekk ukoll nsibu beach buggy.

Ġewwa Fond Għadir f’Tas-Sliema wieħed jista’ jsib passaġġ tal-injam li jwassal għal sellum li jagħti ġol-ilma u ammont konsiderevoli ta’ slielem u hand rails biex jagħmlu l-bajja iktar aċċessibli u sigura. 

Il-Ministru Bartolo qal ukoll; “Din is-sena għall-ewwel darba rnexxielna niksbu l-Blue Flag għal bajja tal-Fajtata f’Wied il-Għajn li hija l-ewwel bajja li ħadet dan iċ-Ċertifikat fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta. Din il-bajja hija armata b’passaġġ tal-injam li jagħti mir-rampa tal-entratura sal-hoist chair. Apparti min hekk insibu Parkeġġ blu ukoll”.

Enfasizza li apparti l-bajjiet Blue Flag, hemm bajjiet oħrajn li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu timmaniġja bħal Bajja s-Sabiħa ġewwa Birżebbuġia, li hi mgħammra b’passaġġ tal-injam mill-promenade sa ftit ċentimetri ‘l bogħod mill-ilma, Beach Buggy, Hoist Chair u parkeġġ Blu. Wieħed jista jsib ukoll passaġġi tal-injam ġewwa dawn il-bajjiet: L-Armier, Little Armier, Baħar iċ-Ċagħaq, Ġnejna, u l-Għar l-Aħmar ġewwa Marsaxlokk fejn f’dawn tal-aħħar wieħed ikun jista’ jsib ukoll beach buggies biex jiffaċilitaw l-aċċess għal baħar.

Tenna li l-għan tal- Awtorità Maltija għat-Turiżmu huwa li sena wara sena, kif għamlet fl-aħħar snin dejjem tkompli ssaħħaħ l-aċċessibiltà tal-bajjiet Maltin. Huwa għalhekk li d-Divizjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni hija inkarigata mill-għamara tal-baħar sabiex tassigura li l-bajjiet Maltin ikunu aċċessibbli u siguri għall-pubbliku. 

Ekonomija

Sport