Saturday, December 21, 2024

“Pajjiżna jibqa’ leader fejn jidħlu drittijiet tal-LGBTIQ+”

– il-Prim Ministru Robert Abela f'Marsaxlokk

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru u mexxej Laburista Robert Abela qal li pajjiżna jibqa’ leader fejn jidħlu drittijiet tal-LGBTIQ+ hekk kif pajjiżna reġa’ ġie l-ewwel fil-lista. Semma kif meta kien is-Summit fl-Iżlanda bejn il-mexxejja Ewropej li sar aktar kmieni din il-ġimgħa, kien hemm mexxejja li staqsewh kif Malta rnexxielha żomm din il-pożizzjoni fejn jidħlu d-drittijiet ċivili. Il-Prim Ministru qal li dakinhar stess li l-mexxejja kienu qegħdin jistaqsuh dwar dan pajjiżna kien qed iniedi strateġija ġdida għall-ħames snin li ġejjin dwar l-istess qasam.

Dr Abela waqt li dalgħodu kien qiegħed jindirizza laqgħa politika f’Marsaxlokk tkellem ukoll dwar dak li qalet il-Kummissjoni Ewropea aktar kmieni din il-ġimgħa fejn reġgħet ikkonfermat is-saħħa ekonomika ta’ pajjiżna. Sostna li l-Kummissjoni għamlet reviżjoni tat-tbassir tagħha għal Malta u dan mhux għax kien se jkun hemm tnaqqis ekonomiku, iżda minħabba li l-ekonomija ta’ Malta se tkun ferm akbar minn dak li kienet diġà bassret.

Il-Mexxej Laburista qal li l-investiment li nħoloq minn Gvern Laburista se jibqa’ jiġi msaħħaħ.

“Kienu jgħidulna l-ħin kollu għax jibnu skola kull sena. Aħna bħalissa għaddejjin bi skejjel ġodda u xogħolijiet kbar, fir-Rabat Malta u r-Rabat Għawdex, l-Imsida, Ħal Għaxaq, Santa Luċija u Nadur fost oħrajn. Inlestu dawn u nibdew oħrajn għax irridu nilħqu livelli ogħla. U nistgħu nitkellmu dwar dan it-tip ta’ investiment għax pajjiżna sejjer tajjeb. Imma għax nafu wkoll li se jmur aħjar,” tenna Dr Abela.

Meta ġie biex jitkellem dwar il-qasam tal-enerġija, semma kif din il-din il-ġimgħa waqt laqgħa minn 9 pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li jmissu mal-Mediterran, il-Gvern mbotta l-idea li r-reġjun Mediterranju jkun hub ta’ enerġija nadifa li jista’ jixpruna l-impenn tal-Unjoni Ewropea lejn Ewropa dekarbonizzata, b’settur tal-enerġija indipendenti. “U jekk issa stabilixxejna t-twemmin li l-Mediterran ikun il-leader. Nista’ nagħtikom il-kelma tiegħi li fil-Mediterran, se tkun Malta l-pajjiż leader bi proġetti inovattivi u ambizzjużi li se nressqu ‘l quddiem fiż-żmien li ġej.”

Il-Prim Ministru elenka kif pajjiżna għandu jkompli jtejjeb l-ambjent ta’ pajjiżna. Fil-fatt, ilbieraħ daħlet fis-seħħ parti oħra tar-riforma tal-qbiela. Esperti fis-settur ddeskrivewha fost l-aktar deċiżjonijiet kuraġġużi li qatt ra s-settur agrikolu. Sostna li “għax aħna għandna l-prijoritajiet tajbin u d-deċiżjonijiet ma nibżgħux noħduhom. Dawn huma l-kisbiet li rridu niffokaw fuqhom u jagħmluna kburin b’pajjiżna.”

Ma setax jonqos li fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru jirreferi għar-rapport li ġie ppubblikat mill-Awditur Ġenerali dwar l-Isptarijiet. Sostna li dan ir-rapport juri biċ-ċar li l-Gvern imexxi minnu biddel l-affarijiet li ma kinix sew. Qal li hu kien ċar mill-ewwel ma’ steward healthcare li l-obbligi tagħhom iridu jonorawhom u l-Gvern ma kienx lest li jbiddel xejn minn dak il-ftehim.

Semma kif nhar it-Tnejn li għadda l-Gvern ried li ssir diskussjoni dwar dan ir-rapport fil-Parlament, iżda din it-talba ma ġiex aċċettata mill-Oppożizzjoni. Il-Prim Ministru qal li ma ridix li ssir id-diskussjoni għax jafu li l-affarijiet minn dan il-Gvern saru b’mod tajjeb u b’mod differenti. Qal li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista taf li b’dan ir-rapport ħareġ ċar li l-Gvern qiegħed iħares b’kull mod l-interessi ta’ pajjiżna.

“F’Ħal Qormi, fl-ewwel attivita politika wara li nħtart mexxej semmejt il-kwistjoni tal-isptarijiet. Kont għidt mill-ewwel li dik kienet kwistjoni li ridt li l-Gvern iħares lejha b’mod aħjar. U hekk għamilna. Jixhed ir-rapport tal-Awditur Ġenerali,” sostna l-Prim Ministru.

Il-kelliem qal li “f’Malta u anke barra minn Malta. U jafu li meta jgħidu li l-Gvern ma ħa ebda azzjoni ma jkunux qed jgħidu l-verità. U allura dwar l-isptarijiet iffokati u ċari ħafna. Illum bl-isptarijiet f’idejna nibqgħu nsostnu u nsaħħu s-servizz, inħarsu l-ħaddiema, iżda fuq kollox nippjanaw għall-ġejjieni. Dak talab mingħandna l-poplu Malti s-sena li għaddiet u dak li se nkunu qed nagħmlu.”

Ekonomija

Sport