Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal li pajjiżna jixraqlu mhux biss aħjar, imma l-aħjar u li allura hawnhekk bħala Oppożizzjoni qed jibgħatu messaġġ ta’ tama.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Cutajar qal: “Pajjiżna jixraqlu aħjar u allura għalhekk qegħdin hawn aħna għax bil-kliem ma naslu mkien imma rridu li bl-azzjonijiet, anke l-Oppożizzjoni, li nkunu ċari f’dak li qed ngħidu. Pajjiżna jixraqlu aħjar. Pajjiżna jixraqlu l-aħjar u allura hawnhekk qed nibgħatu messaġġ ta’ tama li, iva, il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech se jkunu qed naraw li l-prijoritajiet veri biex pajjiżna npoġġuh fejn jixraqlu”.
Huwa qal li l-Oppożizzjoni tikkundanna bla riżervi d-diskors li sar ilbieraħ fil-Parlament. Fi kliemu, dak li esperjenzajna fil-parlament, hija ħolqa f’katina ta’ sitwazzjonijiet li qed naraw f’pajjiżna.
Qal: “Huwa żgur li f’pajjiż normali, dan it-tip ta’ diskors, fejn hemm pajjiż li huwa suppost qed issaltan is-saltna tad-dritt u qed nirrispettaw id-demokrazija, dawn it-tip ta’ diskorsi mhumiex aċċettabbli u ma jsirux. Allura nistaqsi, huwa pajjiż normali pajjiżna li qed nesperjenzaw dawn it-tip ta’ diskorsi fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż?.
Fi kliem il-PN, l-attakk fuq l-istituzzjonijiet qed idgħajjef id-demokrazija ta’ pajjiżna.
Waqt il-konferenza tkellem ukoll id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina fejn fost l-oħrajn innota: “Minflok ma’ l-Prim Ministru qed jagħżel li jieħu ħsieb l-interess ta’ kull ċittadin Malti u Għawdxi, qed jagħżel li jipproteġi u jħares biss l-interessi ta’ Joseph Muscat. Illum għandna Prim Ministru li huwa ostaġġ tal-Prim Ministru ta’ qablu. Illum għandna Prim Ministru li għadu ma nqatax minn ta’ qablu, għadu jiddefendi lil ta’ qablu, għadu jgħid li fil-verità mhux il-Prim Ministru hu imma l-Prim Ministru għadu Joseph Muscat.”