Saturday, December 21, 2024

“Pajjiżna kien fuq quddiem nett jiġġieled din l-inġustizzja li ġiet introdotta fl-2020”

Il-ECJ b’deċiżjoni kontra r-regola li tobbliga lill-operaturi tat-trasport li jirritornaw il-vetturi tagħhom lejn l-Istat Membru li huma reġistrati fih

Aqra wkoll

Il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ECJ) kontra r-regola li tobbliga lill-operaturi tat-trasport li jirritornaw il-vetturi tagħhom lejn l-Istat Membru li huma reġistrati fih.

Fi stqarrija l-Ministeru qal li din ir-regola kienet qed tillimita lil kull min irid jittrasporta materjal minn pajjiż għal ieħor u b’kawża ta’ dan, kienu qed jinħolqu kumplikazzjonijiet loġistiċi fl-Istati Membri kollha Ewropej. Dan apparti li kien qed jimpatta b’mod negattiv l-aspett ambjentali minħabba l-ammont konsiderevoli ta’ traġitti bla bżonn li kienu qed isiru mill-operaturi filwaqt li kien qed ikun hemm żidiet bla preċedent fil-prezzijiet tal-fuels.

“Skont studju li sar mill-KPMG fl-2020, ikkummissjonat mill-Ministeru responsabbli mit-Trasport, li kieku l-kumpaniji kellhom jaċċettaw ir-regoli l-ġodda kollha li kienet ipproponiet il-Kummissjoni Ewropea, l-ispiża addizzjonali għall-operaturi kienet se tammonta għal aktar minn €5 miljun u żieda ta’ 42 trakk ieħor,” kompliet tgħid l-istqarrija.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, spjega kif pajjiżna kien fuq quddiem nett jiġġieled din l-inġustizzja li ġiet introdotta fl-2020 meta l-Unjoni Ewropea kienet daħlet regoli ġodda abbażi tal-Mobility Package 1 li spiċċaw kellhom impatt kbir fuq l-industrija internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija b’vetturi kbar.

“Flimkien ma’ Stati Membri oħra Ewropej, bħala Gvern Malti ġġilidna legalment dawn ir-regoli fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għax fhimna li dan is-settur, li għandu sehem importanti fl-ekonomija ta’ pajjiżna, kien jeħtieġ li l-operaturi jkollhom l-aqwa kundizzjonijiet f’xogħolhom u nimminimizzaw kemm nistgħu l-impatt ambjentali f’dan is-settur,” saħaq il-Ministru Bonett.

Din l-industrija hija importanti għal Malta għax tieħu ħsieb 77% tal-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-pajjiż minn u lejn l-UE. Il-Ministeru se jkun qed janalizza bir-reqqa din is-sentenza flimkien ma’ kull min jagħmel parti f’din l-industrija bil-għan li nkomplu ntejbu l-operat f’dan is-settur.

Ekonomija

Sport