F’intervista mal-ġurnalisti il-Prim Ministru ġie mistoqsi dwar il-miżura ta’ inċentiv fil-kont tad-dawl għan-negozji għat-tliet xhur li ġejjin u għaliex din il-miżura ma kinitx estiża għad-djar residenzjali. Il-Prim Ministru fakkar li minkejja dan kollu, il-poplu se jkun qed igawdi minn diversi inċentivi fosthom, inċentiv għal dawk il-persuni li qegħdin fil-proċess li jixtru proprjetà li fix-xiri ta’ proprjetà modesta €200,000 se jkunu qed jiffrankaw €7,000.
Rigward it-Turiżmu, il-Prim Ministru qal li kien hemm emenda żgħira fil-lista ta’ pajjiżi li se jkunu qegħdin jiftħu f’Lulju li ġej. Qal li ma dawk li tħabbru diġà se jiżdiedu l-Italja b’eċċezzjoni għal dawk ir-reġjuni fit-Tramuntana, Franza b’eċċezzjoni ta’ reġjun, Spanja b’eċċezzjoni ta’ reġjun, Il-Polonja, il-Greċja u l-Kroazja. Fil-15 ta’ Lulju l-ajruport se jkun qed jiftaħ għad-destinazzjonijiet l-oħra kollha.
Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li minn ftit sigħat oħra se titneħħa d-dikjarazzjoni ta’ emerġenza għas-saħħa pubblika li pajjiżna ħabbar fis-7 ta’ Marzu li għadda. Il-Prim Ministru qal li dan se jkun qed ifisser li dawk il-projbizzjonijiet li kienu qed ibiegħduna min-normalità se jkunu qed jitneħħew. Se jibqa’ biss restrizzjonijiet fl-ajruport li mistennija jitneħħew fil-jiem li ġejjin biex b’hekk nirritornaw għan-normalità assoluta. Abela ta eżempju tal-projbizzjoni tal-massimu ta’ 75 persuna li jistgħu jikkongregaw flimkien li toħloq diffikultajiet loġistiċi se tkun qiegħda titneħħa anke jekk meta saret kienet tagħmel ħafna sens minħabba prekawzjonijiet ta’ saħħa.
Il-Prim Ministru qal li kellek persuni li qed jippruvaw joħorġu mill-konvenji tagħhom iżda din il-paġna nqalbet mil-lum għal għada mat-tħabbir tal-pjan ta’ riġenerazzjoni.
Mitlub jispeċifika dwar it-tneħħija ta’ stat ta’ emerġenza, il-Prim Ministru wieġeb li filwaqt li mhux se jkun hemm l-obbligu legali, tajjeb li fost l-oħrajn jibqa’ jimxi mal-linji gwida li toħroġ l-awtorità tas-saħħa.
Rigward l-investigazzjonijiet li jinsabu għaddejjin Abela qal li hu jinsab sodisfatt b’dak li jinsab għaddej u l-andament ta’ tali investigazzjonijiet fosthom dawk b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Huwa qal li pass ieħor il-quddiem huwa l-proċess tal-approvazzjoni tal-kandidat Angelo Gafa bħala Kummissarju tal-Pulizija. Huwa stieden mill-ġdid lill-oppożizzjoni biex tipparteċipa f’dan il-proċess u tistaqsi l-mistoqsijiet tagħha biex tiċċara d-dubji.