Friday, October 11, 2024

Pajjiżna meqjus bħala interlokutur kredibbli favur il-paċi

- Prim Ministru Robert Abela

Aqra wkoll

“Pajjiżna meqjus mill-komunità internazzjonali bħala interlokutur kredibbli favur il-paċi, favur id-diplomazija u favur iż-żamma tad-dritt internazzjonali”. Hekk stqarr il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Dr Robert Abela meta kien qiegħed jindirizza laqgħa politika fir-Rabat Għawdex bit-tema “Insaħħu Malta Tagħna”.

Il-Prim Ministru qal li fl-aħħar ta’ dan ix-xahar f’pajjiżna se jsir il-Ukraine Peace Formula Meeting, u żied ifisser li din il-laqgħa tant importanti biex tiġi stabbilità l-paċi, issegwi laqgħa oħra importanti li kienet saret qabel il-MED9.

Din il-laqgħa kienet saret bejn l-ogħla awtoritajiet tas-sigurtà Amerikani u dawk Ċiniżi, li setgħu jmorru jagħmlu din il-laqgħa kullimkien, iżda għażlu lil Malta biex jagħmlu dawn it-taħditiet importani li se jwasslu biex tonqos it-tensjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.

Il-Prim Ministru qal li dawn l-għażliet minn pajjiżi ferm b’saħħithom favur pajjiżna ma jseħħux b’kumbinazzjoni, iżda jsewgu ħidma b’saħħitha fuq l-aspett diplomatiku, u huma konsegwenza tar-reputazzjoni li għandu pajjiżna favur il-paċi.

“Din hija prova oħra tar-reputazzjoni b’saħħitha li jgawdi minnha pajjiżna. Hekk taħdem għall-poplu, bil-provi u b’fatti konkreti, mhux bil-paroli,” tenna l-Mexxej Laburista.

Fid-diskors tiegħu fir-Rabat Għawdex, Dr Abela qal li l-valur li se jibqa’ jimbotta ‘l quddiem fil-fora interazzjonali hu dak tal-paċi, liema valur hu tant għażiż għalina. Tenna li “Ninsab imħasseb sew bil-mod ta’ kif qed jiżviluppaw l-affarijiet wara l-attakk tal-Ħamas fuq Iżreal. Qed nuża l-kelma Ħamas apposta…”

Stqarr li hekk kif Iżreal kellu kull dritt li jiddefendi lilu nnifsu, fl-istess waqt ma nistgħu naċċettaw qatt li biex jiddefendi lilu nnifsu jinqatlu aktar persuni ċivili, fosthom tfal innoċenti. Il-Prim Ministru qal li pajjiżna jibqa’ dejjem jaħdem favur żewġ stati li jgħixu flimkien fil-paċi.

Qal li hu ddispjaċut ferm li persuna, minflok użat il-poteri tagħha biex tibgħat messaġġ favur il-paċi, rat biss okkażjoni ta’ pubbliċità għaliha personali. Qal dan b’referenza għall-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola fejn tat l-appoġġ tagħha b’mod miftuħ lill-Iżreal minflok ma ppruvat issib soluzzjoni ta’ paċi.

Hu kompla jgħid illi li tkun newtrali ma jfissirx li tkun indifferenti għar-realtajiet tan-nies. “Li tkun newtrali jfisser li jkollok pożizzjoni aktar b’saħħitha favur il-paċi. Dan hu t-twemmin Laburista u Soċjalista,” enfasizza l-Prim Ministru Abela.

Sport