Friday, November 22, 2024

Pajjiżna mitlub jerġa’ jqum għall-okkażjoni – Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja fl-okkażjoni tat-62 anniversarju mill-istrajk ġenerali tat-28 ta’ April

Aqra wkoll

Miktub Minn Claudio Coleiro, Filmat Alan Saliba

YouTube video

“Illum għandna gwerra kontra għadu inviżibbli li ħarbat id-dinja u l-mod soċjali kif ngħixu. Il-ħaddiem Malti llum huwa mitlub biex jerġa’ jqum għall-okkażjoni. Qiegħed jagħmel passi ‘l quddiem billi jobdi l-ordnijiet tal-awtoritajiet biex noħorġu minn din il-pandemija li għandna, nimxu ‘l quddiem u nerġgħu naqbdu r-ritmu ta’ ħajja normali.”  

Stqarr dan is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU) Josef Bugeja f’kummenti li għadda lil inewsmalta hekk kif ilbieraħ il-GWU fakkret it-62 anniversarju mill-istrajk ġenerali tat-28 ta’ April tal-1958 b’ċerimonja qasira fejn tpoġġew bukketti tal-fjuri f’riġlejn il-mafkar f’Raħal Ġdid li jfakkar lill-“eroj” li kienu ġew arrestati u ntbagħtu l-ħabs fl-istrajk. Il-Partit Laburista wkoll fakkar dan il-jum storiku, bil-Prim Ministru Robert Abela jpoġġi bukkett fjuri fuq l-istess mafkar.

Fil-kummenti tiegħu lil dan il-ġurnal, Bugeja stqarr li t-28 ta’ April tas-sena 1958 kienet ġurnata ferm importanti għall-ħaddiema kif ukoll għall-GWU. Qal li dan kien l-ewwel pass biex il-ħaddiema jibdew jiddefinixxu u jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

“Kien l-ewwel pass f’mixja twila biex il-ħaddiem jagħraf u jġib kundizzjonijiet tax-xogħol u jkun rikonoxxut. Il-GWU kienet għamlet strajk ġenerali. Kienu qamu l-irvellijiet. Tara l-kobor tal-ġrajja meta dak iż-żmien ma kienx hemm komunikazzjoni u tara n-nies jgħaddu messaġġi minn lokalità għall-oħra u jfehmu x’passi jridu jittieħdu,” qal Bugeja.

Huwa żied jgħid li l-kobor ta’ din il-ġrajja kien proprju l-bidu tar-relazzjonijiet industrijali tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-avvanz tal-ħaddiem Malti f’pajjiżu. “Kienet ġurnata fejn weġġgħu n-nies u tressqu ‘l fuq minn 100 ruħ il-Qorti u kienu akkużati b’atti kriminali ħorox. Pero’ kien bidu li ta vuċi lill-ħaddiema biex itejjeb il-kundizzjonijiet tiegħu u jibqa’ miexi ‘l quddiem,” qal Bugeja li fakkar kif il-ħaddiem Malti wera li jista’ jkun magħqud biex jimxi ‘l quddiem u fetaħ it-triq għal ġenerazzjonijiet ta’ wara kif għandhom itejbu l-kundizzjonijiet. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU temm jgħid li llum il-ġurnata għandna gwerra kontra għadu inviżibbli fejn il-poplu huwa msejjaħ biex jerġa’ jkun magħqud, b’vuċi waħda u jimxi wara l-pariri mogħtija lilu biex flimkien negħlbu din il-pandemija li għandna bħalissa.

YouTube video

Sport