Il-President kompliet billi għamlet referenza għall-fatt illi għal dawn l-aħħar disa’ snin konsekuttivi, pajjiżna baqa’ fl-ewwel post fejn jidħol il-Europe Rainbow Map Equality Index. Dan l-għarfien internazzjonali ġie sena wara l-oħra minħabba d-dħul ta’ riformi progressivi fejn jidħlu drittijiet umani, riformi li ssarfu f’soċjetà aktar inklussiva u għenu biex naqas il-preġudizzju.
Innotat ukoll li l-ugwaljanza bejn iċ-ċittadini, partikularment nisa u rġiel, ukoll imxiet ’il quddiem. Miżuri li jżewġu mill-qrib id-dinja tax-xogħol u l-familja ħeġġew aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Il-President Spiteri Debono rrimarkat li pajjiżna huwa mogħni b’poplu bieżel, reżiljenti u li jaf ikun dixxiplinat. “Il-mod kif, milqut mill-pandemija, il-poplu wera ruħu dixxiplinat u flimkien mat-tmexxija abbli tal-Awtoritajiet, kien strumentali biex il-pandemija ma kedditx lill-poplu tagħna bl-istess mod li ġara f’pajjiżi oħra.”
Dwar it-turiżmu, hija nnotat kif fi tliet snin wara l-pandemija, mhux biss ilħaqna l-livelli ta’ qabel imma wkoll nqabżu n-numru ta’ turisti li kienu ġew fl-2019, hekk kif fl-2023 kien hemm żieda ta’ 8.3% fuq in-numri reġistrati fl-2019.
F’dak li għandu x’jaqsam mal-impjiegi, il-President qalet li skont data tal-Eurostat ta’ Settembru tas-sena kurrenti, Malta għanda rata ta’ qgħad ta’ 3% biss u tinsab fit-tielet post bit-tielet l-anqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea. Malta ukoll għandha, l-inqas rata ta’ qgħad fiż-żona ewro u t-tieni lanqas rata ta’ qgħad fl-istorja ta’ pajjiżna.