Monday, November 17, 2025

Pajjiżna qed ikompli jimxi lejn turiżmu ta’ kwalità

Aqra wkoll

Waqt l-inawgurazzjoni tal-Verdala Wellness Hotel AX Privilege fir-Rabat Malta, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li pajjiżna qiegħed kulma jmur jistabbilixxi prodott turistiku li qed jagħtina l-opportunità nimxu dejjem aktar lejn turiżmu ta’ kwalità.

Akkumpanjat mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif l-inawgurazzjoni ta’ dan l-investiment f’lukanda qed isir f’kuntest fejn is-settur turistiku Malti qed ikompli juri tkabbir sostenibbli. Dan għaliex pajjiżna mhux biss qed jirreġistra riżultati turistiċi pożittivi ferm fix-xhur tas-sajf, iżda qed jirreġistra wkoll riżultati tajbin matul il-bqija tal-istaġuni. Il-Prim Ministru semma kif sa Settembru li għadda, iż-żieda fin-numru ta’ turisti li żaru pajjiżna telgħet għal 12% fuq l-istess perjodu tas-sena ta’ qabel. Iktar importanti, in-nefqa tat-turisti f’pajjiżna fl-ewwel disa’ xhur tas-sena laħħqet it-tliet biljun ewro, kważi 20% aktar minn sena ilu.

Huwa żied jgħid li l-prospetti għas-snin li ġejjin huma inkoraġġanti, xprunati anke mit-tisħiħ fil-konnettività u rotot ġodda, fosthom titjiriet diretti mill-Istati Uniti mis-sena d-dieħla. Il-Prim Ministru nnota li t-twessigħ fil-konnettività qed jagħtina l-opportunità nilħqu swieq ġodda u nattiraw turisti ta’ kwalità, filwaqt li nkomplu nsaħħu l-pożizzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni ewlenija fil-Mediterran.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Gvern qed imexxi strateġija li tiffoka fuq turiżmu ta’ kwalità aktar milli fuq kwantità. Din id-direzzjoni hija riflessa fil-Viżjoni Malta 2050, viżjoni li tħares lejn tkabbir sostenibbli u lejn mudell turistiku li jikkontribwixxi b’mod aktar b’saħħtu għall-ekonomija u l-kwalità tal-ħajja dejjem aħjar tal-Maltin u Għawdxi. Dr Abela nnota wkoll kif dan l-investiment mill-AX Group qed ikompli jagħti kontribut konkret għall-iżvilupp tal-prodott turistiku Malti u għall-bidla lejn destinazzjoni li tiffoka fuq kwalità u valur miżjud. Il-proġett tal-AX Group jikkonsisti f’residenzi ta’ livell għoli u lukanda li toffri esperjenza distintiva għal persuni adulti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport