Sunday, December 22, 2024

“Pajjiżna qed jintlaqat ħafna minn din il-gwerra” – il-Ministru Evarist Bartolo

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

… “nibqgħu nħaddmu n-newtralità biex pajjiżna ma jidħox fi gwerer”

“Nibqgħu nħaddmu n-newtralità biex pajjiżna ma jidħolx fi gwerer u ma jintużax fil-gwerer ta’ pajjiż kontra ieħor”. Dan iddikjarah il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Evarist Bartolo ma’ Talk.mt wara li fl-aħħar sigħat attenda għal laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin li ddiskuta il-gwerra fl-Ukrajna.  Hu saħaq li “pajjiżna qed jintlaqat ħafna minn din il-gwerra: politikament u ekonomikament. Nixtru kważi kollox minn barra u nbiegħu kważi. Kollox barra. Il-gwerra fl-Ukrajna qed iżżid l-għoli tal-ħajja li diġa’ sploda bil-pandemija: il-prezz tal-enerġija, it-trasport, l-ikel, il-metall u l-microchips. Dawn il-prezzijiet għoljin qed jolqtuna u se jkomplu jolqtuna”.

Il-Ministru Bartolo fil-kummenti tiegħu qalilna li “l-President Russu Putin jgħid li ordna l-invażjoni tal-Ukrajna għax jemmen li mhix pajjiż separat u għandha tkun parti mir-Russja. Jemmen ukoll li  l-alleanza militari tan-NATO ma messiex baqgħet tinfirex lejn il-lvant sa fuq il-fruntiera tar-Russja u huwa jara din l-alleanza ta’ theddida għar-Russja. Hu irid ukoll jiddefendi dawk ir-Russi Ukreni fil-Lvant tal-Ukrajna mill-moħqrija tal-gvern fl-Ukrajna.”

Il-Ministru Bartolo jiddikjara ma’ dan is-sit li “anki kieku kellu raġun f’kulma qed jgħid u m’għandux raġun f’kulma qed jgħid, il-President Putin żgur ma kellux għalfejn jinvadi lill-Ukrajna b’dik il-qawwa militari kollha fejn qed ifarrak lill-pajjiż u l-ħajja tal-poplu Ukren u jista’ jitfa’ sa erba’ miljun Ukren jaħarbu lejn il-pajjiżi ġirien. Aħna nemmnu li nistgħu nsibu mod kif ikollna sigurtà għall-pajjiżi kollha fl-Ewropa, inkluż għar-Russja u l-Ukrajna, iżda bla ma pajjiż jaħkem ieħor jew jhedded iehor bis-sovranità u bl-indipendenza tiegħu. Nemmnu li fejn hemm it-tilwim m’għandhiex tintuża l-forza u l-vjolenza iżda d-diskussjoni u n-negozjati biex jintlaħaq ftehim. Ilkoll kemm aħna li qegħdin fin-Nazzjonijiet Magħquda u fl-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa marbutin li nħaddnu dawn il-prinċipji u li ma nagħmlux gwerra kontra xulxin.”

Jenfasizza li “l-gwerra ta’ Putin kontra l-Ukrajna mhux biss qed tkisser lil dak il-pajjiż u toqtol u twerwer lill-poplu iżda wkoll qed tkisser l-organizzazzjonijiet internazzjonali li jgħinuna ngħixu flimkien b’xi mod jew ieħor biex ma nqattgħux lil xulxin f’liġi tal-ġungla fejn jirbaħ min hu b’saħħtu u mhux min għandu raġun. Fi żmien meta r-raġuni tgħidlek li bħala dinja messna qed naħdmu flimkien biex nistejqru mill-pandemija u biex insalvaw lilna nfusna mill-kriżi tal-klima issa rridu naraw kif niġbru l-frak u nfejqu l-feriti fondi li nfetħu fir-relazzjonijiet bejn pajjiż u ieħor b’din l-invażjoni tal-Ukrajna.”

Kif nintlaqtu minnu

Il-Ministru Bartolo qalilna li “għandna Maltin li jgħixu hemm u dawk li għamlu kuntatt magħna qed naraw kif ngħinuhom. Diffiċli għax hemm minnhom maqbudin fiż-żona tal-gwerra u s’issa l-parir hu li jibqgħu jistkennu fejn qegħdin. Pajjiżna qed jintlaqat ħafna minn din il-gwerra: politikament u ekonomikament. Aħna ninsabu fid-dinja u ħajjitna tiddependi mir-rabtiet tagħna mal-bqija tad-dinja: nixtru kważi kollox minn barra u nbiegħu kważi kollox barra. Il-gwerra fl-Ukrajna qed iżżid l-għoli tal-ħajja li diġa’ sploda bil-pandemija: il-prezz tal-enerġija, it-trasport, l-ikel, il-metall u l-microchips. Dawn il-prezzijiet għoljin qed jolqtuna u se jkomplu jolqtuna kif qed jolqtu l-bqija tad-dinja. Bħala gvern ħadna, qed nieħdu u se nkomplu nieħdu l-passi li hemm bżonn biex ma jweġġgħux il-familji u n-negozji b’din iż-żieda qawwija fil-prezzijiet li d-dinja ilha ma tara bħalha.”

Tenna li “nintlaqtu wkoll politikament għax aħna nixtiequ ngħixu fil-paċi ma’ kulħadd, mal-pajjiżi kollha u fejn ikun hemm inkwiet bejn pajjiż u ieħor dejjem nappellaw u naħdmu favur il-paċi u favur li t-tilwim jissolva madwar medja bl-argumenti u r-raġuni u mhux bil-missili u l-armamenti. Aħna wieħed mill-ftit pajjiżi li l-fruntieri tagħna huma naturali bil-ġeografija, għax gżejjer u allura m’għandniex tilwim fuq l-art tagħna waqt li fil-baħar hemm fejn għad irridu nilħqu qbil mal-ġirien tagħna. Il-fruntieri ta’ ħafna pajjiżi fuq l-art nbidlu maż-żminijiet u b’riżultat ta’ gwerer li saru fis-seklu u snin li Għaddew. Allaħares kull pajjiż li kellu l-fruntieri tiegħu fis-sekli li għaddew jibda jagħmel bħar-Russja u jinvadi pajjiżi ġirien biex jerġa’ jieħu lura dak li xi darba kien tiegħu jew jgħid li kien tiegħu. Kieku aħna ma nibqgħux nazzjon sovran għax fis-sekli li għaddew ħakmuna ħafna pajjiżi differenti u allaħares jgħidu li jridu jerġghu jagħmlulna tagħhom.” Qal li “għalhekk aħna bħala pajjiż inħaddmu  u naħdmu favur li l-pajjiżi kollha tad-dinja jimxu mal-prinċipji tan-Nazzjonijiet Magħquda li nħarsu s-sovranità u l-indipendenza tal-pajjiżi kollha meqjusa ndaqs u bid-dritt li jagħżlu ħajjithom u bid-dmir li ma jheddux pajjiżi oħra u li kull tilwim jissolva bir-raġuni u mhux bil-forza.”

In-newtralità

Il-Ministru Bartolo qalilna li “n-newtralità tagħna hija waħda militari. Fejn jidħlu l-prinċipji u l-valuri tagħna, m’aħniex newtrali. Aħna favur il-paċi, soluzzjoni paċifika għat-tilwim, id-demokrazija u d-drittijiet umani. Il-Kostituzzjoni tagħmilha ċara li: “Malta hija stat newtrali li jrid attivament jilħaq il-paċi, is-sigurtà u l-progress soċjali fost in-nazzjonijiet kollha billi jħaddan politika ta’ non-allineament u jirrofta li jipparteċipa f’kull alleanza militari. Dan l-istatus jimplika b’mod partikolari, illi: (a) l-ebda bażi militari barranija ma titħalla fuq territorju Malti; (b) l-ebda faċilitajiet militari f’Malta ma jitħallew jiġu wżati minn xi forzi barranin ħlief fuq talba tal-Gvern ta’ Malta” ħlief biex nipproteġu s-sovranità u l-integrità territorjali tagħna u biex insegwu deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda. Fl-istħarriġ li għamilna dwar ‘Il-Maltin fid-Dinja’ huwa nteressanti kemm bħala poplu naqblu fuq l-importanza kbira tan-newtralità għalina. Kwistjonijiet li bdew bħala partiġġjani u jinħassu ta’ naħa kontra oħra, ta’ partit kontra ieħor, kwistjonijiet ta’ firda … maż-żmien saru nazzjonali, ta’ għaqda u ta’ ħafna mill-poplu. 6 fil-mija biss jgħidu li n-newtralità mhi importanti xejn jew ftit li xejn. 94 fil-mija jgħidu li importanti: b’63 fil-mija jgħidu li importanti ħafna u 18 fil-mija oħra jgħidu li importanti. L-istħarriġ juri li kollox ma’ kollox il-poplu Malti għandu idea realistika ta’ post Malta fid-dinja: La hi kollox u lanqas mhi xejn: il-piż tagħha hu skont id-daqs tagħha. Hemm imbagħad qbil ġenerali li għandu jkollna relazzjonijiet tajbin mal-pajjiżi kollha.

Saħaq li “għalkemm spiss nidhru jew irridu nuru li niggieldu fuq kollox naqblu bejnietna ferm iżjed milli ngħidu. Bhala poplu nimmaturaw iżjed mhux biss meta naqblu fuq dak li hu ġid komuni għalina iżda meta nibdew nistqarruh u nitkellmu dwaru bħala poplu wieħed. Il-gwerra fl-Ukrajna aktar turina kemm in-newtralità tagħmel sens f’dinja ta’ firda u konfrontazzjoni bejn il-qawwiet il-kbar u fejn li tkun f’alleanza jitqies bħala theddida mill-pajjiżi ġirien. Żgur li jagħmel sens ħafna li pajjiżi ġirien jintrabtu flimkien bi qbil li ma jheddux lil xulxin u li ma jħallux pajjiżhom jintuża biex jhedded pajjiż ieħor. Kull pajjiż u kull poplu għandu dritt jagħżel ħajtu u kif iħares is-sigurtà tiegħu imma fl-istess ħin għandu d-dmir jifhem li l-mod kif iħares is-sigurtà tiegħu m’għandhiex thedded jew tnaqqas is-sigurtà ta’ pajjiż ieħor.”

Itenni li “aħna nemmnu li fl-Organizzazzjoni tas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa għandha l-għodod kollha biex ikollna s-sigurtà għall-pajjiżi kollha tal-Ewropa bla ma jheddu lil xulxin u bla ma jużaw il-forza kontra xulxin. Irridu nsibu mod kif inġeddu t-tħaddim ta’ din l-organizzazzjoni li għenitna noħorġu mill-Gwerra Bierda bejn il-Punent immexxi mill-Istati Uniti u l-Lvant immexxi mill-Unjoni Sovjetika. Issa rridu naħdmu biex naraw kif noħorġu mis-sitwazzjoni kerha ħafna li ninsabu fiha bi gwerra għaddejja fil-qalba tal-Ewropa.”

Il-Ministru Bartolo jgħid lil talk.mt li “sadanittant aħna nibqgħu nħaddmu n-newtralità biex pajjiżna ma jidħolx fi gwerer u ma jintużax fil-gwerer ta’ pajjiż kontra ieħor. Ma jagħmilx sens dak li nkiteb dan l-aħħar li hemm xi pjan biex ir-Russja tuża lil Malta bħala bażi biex tidħol fil-Libja. Żgur li mhux se nħallu xi pajjiż jużana bħala bażi tal-gwerra, apparti milli r-Russja m’għandhiex bnonna biex tidħol fil-Libja ghax issa ilha ħames snin topera hemm u llum tikkontrolla nofs il-Libja u għandha prezenza qawwija fil-Mali u fl-inħawi. Fl-istħarriġ dwar il-‘Il-Maltin fid-Dinja’ 80 fil-mija tal-Maltin qalulna li għandna sehem important x’nagħtu għall-paċi u l-koperazzjoni fil-Mediterran u hekk se nkomplu nagħmlu u nistgħu nagħmlu dan, anki jekk b’mod umli skont id-daqs tagħna, għax aħna newtrali u ma aħna theddida għal ħadd.”

Ekonomija

Sport