Adolexxenti li bħalissa għaddejjin minn programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga, fiċ-Ċentru Terapewtiku tal-Ibwar, ħadu sehem f’attività kemxejn differenti minn tas-soltu. Dan hekk kif ħadmu fuq pubblikazzjoni ta’ ktieb mimli ritratti ta’ Palazzo Ferreria, fil-Belt Valletta.
Fil-fatt, dawn ir-ritratti nġibdu mir-residenti f’Tal-Ibwar, bl-istess ktieb ġie ddisinjat minnhom ġewwa d-digital lab li hemm f’tal-Ibwar stess.
Dan il-ktieb ġie ppreżentat minn dawn l-istess adolexxenti lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u lis-Segretarju Permanenti Mark Musù.
Il-Ministru Michael Falzon, tenna li l-Ministeru għandu diversi ftehimiet mal-Fondazzjoni Caritas, u stqarr li din il-kollaborazzjoni hija eżempju ieħor ta’ kif dan il-Gvern qed jassisti b’modi differenti, li jmorru lill hinn mill-għajnuna finanzjarja.
“Qegħdin ninvestu wkoll biex ngħinu lil dawn il-minuri jkabbru l-potenzjal tagħhom, billi jesprimu lilhom nfushom u ngħinuhom jitilgħu t-taraġ kollu li huma kapaċi jitilgħu,” qal il-Ministru Michael Falzon.
Min-naħa tiegħu d-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt, spjega kif il-pubblikazzjoni ta’ dan il-ktieb, hija msejsa fuq ħidma li mhux biss tat sodisfazzjon lil dawn l-adolexxenti, iżda li għenithom jaħdmu aktar fi spirtu kollettiv, fejn wieħed jgħin lill-ieħor.
Ħidma simbolika li tirrifletti wkoll l-għan wara l-programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga, fejn persuna terġa’ ssib saqajha permezz t’għajnuna, konsistenza u determinazzjoni.

