Sunday, December 29, 2024

Panaxia b’investiment ta’ €6 miljun f’faċilità tal-kannabis mediċinali f’Malta

Kumpanija Iżraeljana tal-kannabis mediċinali tippjana espansjoni bikrija f’Malta.

Aqra wkoll

Panaxia, kumpanija Iżraeljana tal-kannabis mediċinali, investiet €6 miljun f’faċilità f’Malta u se tkompli ssaħħaħ il-konnessjoni tagħha ma’ pajjiżna bi pjanijiet għal espansjoni bikrija fil-produzzjoni lokali, biex tkompli żżid l-investiment kapitali tagħha. 

Dan tħabbar waqt żjara mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli fl-impjant tal-Panaxia f’Ħal Far. Wara li tlestiet l-ewwel fażi tal-investiment, il-kumpanija kisbet il-liċenzja tal-GMP għall-faċilità bbażata f’Malta, hekk kif matul il-ġimghat li ġejjin se tkun qed tesporta l-ewwel prodotti tagħha lejn il-Ġermanja. 

Apparti l-impjant f’Malta, Panaxia topera minn pajjiżi oħra fl-Istati Uniti, il-Kanada u l-Afrika t’Isfel, filwaqt li qiegħda fi proċess li tirreġistra l-prodotti tagħha lejn il-Portugal, il-Greċja, il-Polonja u l-Brażil fost l-oħrajn.  Panaxia tipproduċi aktar minn 60 prodott mediċinali, li  huma bbażati fuq l-estrazzjoni tal-pjanta tal-kannabis fejn dawn jittrattaw varjetà ta’ mard bħall-anzjetà u d-dipressjoni.

Panaxia għandha l-għan li tkompli tkabbar l-produzzjoni tagħha f’Malta bi prodotti kemm fis-suq Ewropew kif ukoll fl-Amerika Latina.  Għalhekk il-faċilità f’Malta se tkompli tiddiversifika l-operat tagħha għal firxa wiesgħa ta’ prodotti oħra li jvarjaw minn pilloli, żejt u produzzjoni oħra estratti mil-kannabis, kif ukoll provi kliniċi, esperimenti ta’ stabbilita u riċerka u iżvilupp. 

Waqt iż-żjara, il-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli, filwaqt li irringrazzjat lil Panaxia għall-fiduċja tagħhom fil-ġurisdizzjoni Maltija, iddeskriviet lill-Panaxia bħala storja ta’ suċċess għal waħda mill-aktar niċeċ ekonomiċi ġodda. 

“Malta Enterprise ilha f’diskussjonijiet ma’ Panaxia sa mill-ewwel ġranet li għaddiet il-liġi fl-2018. Illum Panaxia qed timmarka l-bidu tal-produzzjoni attwali tagħha, fejn diġà qed tippjana li tkompli tkabbar il-faċilità tagħha. Dan huwa tragward ieħor milħuq mill-industrija tal-kannabis mediċinali – industrija li qed tkompli ssaħħaħ is-settur tal-farmaċewtika. Malta hija l-post ideali għal dawn l-faċilitajiet, fejn qed jiġu żviluppati prodotti speċjalizzati għas-settur dinji mediċinali,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Min-naħa tiegħu is-Sur Dadi Segal, CEO tal-Panaxia esprima sens t’apprezzament lejn it-tim lokali tal-kumpanija u rringrazzja lill-Malta Enterprise għall-appoġġ tagħha: “Ninsab impressjonat bil-ħidma tal-Malta Enterprise u għall-appoġġ tagħha fuq diversi livelli  lejn it-tim ta’ Panaxia f’Malta, mhux biss għall-għajnuna finanzjarja imma ukoll għall-komunikazzjoni u s-sapport kontinwu. Kellna nibnu din il-faċilità mill-bidu nett u l-proċess kien twil imma wieħed kajman permezz ta’ gwida konsistenti tal-Malta Enterprise.”

Ekonomija

Sport