Sunday, December 22, 2024

Paola Volleyball Club jirbħu tournament internazzjonali fi Sqallija

Aqra wkoll

Paola Volleyball Club rebħu l-ewwel edizzjoni tat-Tornew Internazzjonali tan-Nisa “Conca d’Oro” li sar bejn it-3 u t-8 t’April f’Monreale fi Sqallija.

Din l-attivitá ġiet organizzata fil-kumpless sportiv ta’ Antonio Veneziano minn ASD Primula ta’ Monreale, assoċjazzjoni sportiva li ilha iktar minn ħamsin sena torganizza attivitajiet relatati mal-volleyball, kemm għall-irġiel u anke għan-nisa. F’dan it-tornew ħadu sehem erba’ timijiet li huma ASD Primula A, ASD Primula B, Volley Asiago u Paola Volleyball Club.

Il-plejers ta’ Raħal Ġdid, taħt it-tmexxija tal-coach Mark Ħili, kellhom prestazzjoni ferm pożittiva fejn rebħu t-tlett logħbiet li lagħbu.

Fl-ewwel logħba, Paola Volleyball Club rebħu lil Primula bi skor ta’ 3-0, segwita minn rebħa fuq Volley Asiago ta’ 3-0. Fl-aħħar logħba l-plejers Pawlisti lagħbu kontra Primula A fejn ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1. Wara din il-finali, il-captain ta’ Paola Volleyball Club, Cynthia Duncan, kienet ippreżentata t-trofew mis-Sindku Alberto Arcidiacono, u l-uffiċjali Letizia Sardisco u Salvo Giangreco.

F’kummenti li ta il-President tal-club, Dr Kenneth Vella, dwar il-parteċipazzjoni tat-team f’din l-attivita’, saħaq li dan it-tornew internazzjonali kien esperjenza siewja għat-team. “Din l-attivita’ ġiet ftit jiem biss wara s-suċċess ta’ training camp li sar hawn Malta u li kien immexxi mill-aġent Taljan Stefano Negrini bil-parteċipazzjoni ta’ coaches u plejers professjonali Taljani. Dan it-training camp, kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-club fi Sqallija, juri biċ-ċar l-istrateġija preżenti ta-kumitat li jsaħħaħ mhux biss in-nursery imma li jipprovdi opportunitajiet t’esperjenzi internazzjonali lill-plejers il-kbar. Dawn l-esperjenzi ma kinux ikunu possibbli mingħajr is-sapport finanzjarju u loġistiku ta’ diversi kumpaniji u individwi, fosthom Executive Security, Dragonara Casino and Brasserie, Maypole uDe Paola Pharmacy,” temm Dr Vella.

Il-President tal-club ta’ Raħal Ġdid jirringrazzja wkoll lis-Sur-Ronnie Calleja, il-President tal-Assoċjazzjoni Sportiva Hibernians għas-sapport kontinwu, kif ukoll lill-membri tal-kumitat Carmen Gauci, Alexia Brincau, Claire Falzon u Tiziana Bonnici għad-dedikazzjoni tagħhom lejn il-club. Il-club Pawlist żgur se jibbenefika minn dawn l-esperjenzi fil-logħbiet tal-kampjonat li jmiss. Il-club hu matematikament diġà promoss għas-Superleague l-istaġun li ġej.

Ekonomija

Sport