Papa Franġisku llum qaddes waħda mill-akbar quddies li qatt qaddes minn kemm ilu fit-tmexxija tal-Knisja Kattolika. Hu qaddes għal aktar minn miljun persuna fil-kapitali tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo.
Il-fidili marru biex ikollhom post għal din il-quddiesa minn ġurnata qabel, kif ukoll eluf oħrajn fosthom tfal tal-iskola qadtu fit-toroq minn fejn kien se jgħaddi l-Papa Franġisku biex jarawh.
Il-Gvern tal-pajjiż ordna l-ġurnata tal-lum bħala festa pubblika biex b’hekk kull min ried imur jara l-Papa seta’ jagħmel dan. Ta’ min jgħid li aktar minn nofs il-popolazzjoni tal-Kongo hija Kattolika, biex b’hekk hi l-akbar komunita ta’ Insara fl-Afrika.
Għal quddiesa tal-lum kien hemm kor ta’ 700 persuna li ilhom għaddejjin bil-provi għal diversi xhur hekk kif suppost din iż-żjara kellha ssir f’Lulju tas-sena li għaddiet. Iżda minħabba l-kundiżżjoni ta’ saħħet il-Papa kienet marret lura, iż-żjara kienet tmexxiet lejn din is-sena.
Fl-omelija tiegħu, Papa Franġisku talab biex fil-pajjiż ikun hemm il-paċi u jieqaf il-ġlied li jeżisti. Minkejja dan waqt li kienet għaddejja l-quddiesa kiem hemm ġlied kbir bejn il-forzi tal-Gvern tal-Kongo u r-ribelli.
Il-Papa xtaq li jżur il-belt ta’ Goma, iżda minħabba s-sigurta tiegħu personali l-organizzaturi ħassru dan il-vjaġġ f’din il-belt. Bħalissa hemm ġlied kbir bejn il-milizji li qed jiġġieldu f’din il-belt.
Skont rapporti tal-Ġnus Magħquda aktar minn sitt miljun persuna ħarbu mill-Kongo fl-aħħar snin minħabba l-ġlied u problemi ekonomiċi kbar li hemm