Papa Franġisku kien vuċi b’saħħitha favur il-paċi u dawk l-aktar vulnerabbli. Baqa’ jadvoka favur il-paċi sal-bieraħ stess. It-temi soċjali li tella’ fuq l-aġenda flimkien mar-riformi li wettaq fil-Knisja Kattolika jimmarkaw pontifikat importanti ta’ dan il-Papa li pajjiżna kellu x-xorti wkoll li jilqgħu f’pajjiżna.
Dan iddikjarah il-Prim Ministru Robert Abela permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali ta’ Facebook. Abela qal ukoll; “Kienet okkażjoni mill-isbaħ għall-poplu tagħna li kien tah merħba sabiħa kull fejn żar dan il-Papa umli u li kellu valur importanti li jħaddan, dak tal-empatija”.
Tenna li l-laqgħat fuq livell personali li kellhom bħala familja se jibqgħu wkoll memorja sabiħa. F’isem il-Gvern Malti, sellem il-memorja ta’ Papa Franġisku u ta l-kondoljanzi lill-Istat tal-Vatikan.