Friday, May 9, 2025

Papa Franġisku miet b’puplesija u kundizzjonijiet irriversibbli tal-qalb

… se jingħata l-aħħar tislima nhar is-Sibt li ġej

Aqra wkoll

Il-Kardinali lbieraħ filgħodu bdew jiltaqgħu fil-Vatikan fejn kellhom jiddeċiedu data għall-funeral tal-Papa Franġisku, li miet nhar it-Tnejn, ta’ 88 sena. Kontra dak li kien maħsub, stqarrija li nħarġet mill-Vatikan, qalet li l-Papa miet kaġun ta’ puplesija u insuffiċjenza irriversibbli tal-qalb. 

Il-mewt ta’ Papa Franġisku qanqlet niket fost il-Kattoliċi minn madwar ħames kontinenti. Mis-Sudan t’Isfel sal-Arġentina, mill-Polonja sal-Filippini, issa ngħata bidu għall-proċess biex il-Knisja Kattolika tagħżel mexxej ġdid fil-ġimgħat li ġejjin.

Fl-aħħar testment tiegħu, il-Papa Franġisku esprima x-xewqa li wara mewtu jiġi midfun fil-Bażilika Papali ta’ Santa Marija Maġġura f’Ruma.

Huwa kien stqarr ix-xewqa tiegħu li l-aħħar vjaġġ tiegħu fuq din l-art jintemm preċiżament f’dan is-santwarju Marjan antik, fejn kien dejjem jieqaf biex jitlob fil-bidu u fit-tmiem ta’ kull Vjaġġ Appostoliku li kien jagħmel.

Papa Franġisku kien magħruf ukoll li jiffavorixxi s-sempliċità fuq il-pompa u talab ukoll qabar mingħajr ornamenti u bl-iskrizzjoni biss “Franġisku”.

Diversi ħwienet Taljani tal-kotba tkellmu dwar xogħol mhux ippubblikat li kiteb il-Papa Franġisku ftit qabel mewtu. Fil-bidu tal-ktieb li dalwaqt jiġi ppubblikat mill-Kardinal Angelo Scola, Papa Franġisku kiteb: “Il-mewt mhix it-tmiem imma l-bidu ta’ xi ħaġa ġdida.”

Intant, il-kardinali bdew jiltaqgħu mill-bieraħ filgħodu biex jagħmlu l-ewwel arranġamenti bi tħejjija għall-funeral tal-Papa Franġisku, kif ukoll għall-konklavi biex jintgħażel is-suċċessur tiegħu.

Il-kostituzzjoni appostolika tistipula d-deċiżjonijiet l-aktar urġenti li l-kardinali – 135 b’kollox – iridu jieħdu matul din l-ewwel laqgħa, fosthom meta l-ġisem tal-Papa għandu jitpoġġa fil-Bażilika ta’ San Pietru biex ikun espost għall-qima tal-pubbliku, kif ukoll id-data u l-ħin tal-funeral li għandu jsir bejn ir-raba’ u s-sitt jum wara l-mewt, u meta se jsir il-konklavi, li normalment ikun bejn 15 u 20 jum wara l-mewt tal-papa.

Intant ukoll għadd ta’ mexxejja dinjin, fosthom il-president Franċiż Emanuel Macron u l-president tal-Istati Uniti Donand Trump, diġa kkonfermaw li se preżenti jkunu fost l-eluf ta’ kattoliċi minn madwar id-dinja li se jattendu għall-funeral ta’ Papa Franġisku.

Sadanittant, il-Vatikan kmieni lbieraħ filgħodu ħabbar li l-funeral ta’ Papa Franġisku se jsir nhar is-Sibt li ġej fl-10.00 a.m. fil-Bażilika ta’ San Pietru, fil-belt tal-Vatikan. Il-katavru ta’ Papa Franġisku lbieraħ kien espost għall-qima tal-pubbliku fil-kappella tar-residenza ta’ Santa Marta fejn għex tul iż-żmien kemm dam Papa filwaqt li mil-lum są nhar il-Ġimgħa se jkun espost fil-Bażilika ta’ San Pietru.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport