Fit-tmeninijiet u d-disgħinijiet, il-Perù, il-pajjiż fejn kien missjunarju Patri Robert Prevost (il-futur Papa Ljun XIV) kien mifni mill-vjolenza u t-tensjonijiet. Is-Sendero Luminoso, grupp ta’ gwerilli Komunisti li riedu jwaqqgħu l-gvern, kienu qegħdin jattakkaw ukoll lill-Knisja Kattolika bħala parti mill-kampanja tagħhom ta’ bumbardamenti, dekapitazzjonijiet u assassinji politiċi. Qatlu u ħatfu sorijiet u qassisin u splodew knejjes. Xi wħud mill-qassisin kienu jilbsu lbies ċivili sabiex ma jintgħarfux. L-irġiel li kienu jattendu l-knisja xi drabu kienu jeskortaw lill-Padre Bob biex jipproteġuh minn attakki li seta’ jkun hemm fuqu.
Qaddej tal-Poplu
Imma Padre Bob kiseb ir-rispett tan-nies għax baqa’ qrib tagħhom, kien jitma’ u jsib xogħol għall-foqra, u jilqa’ lin-nies li kellhom jitilqu mill-villaġġi tagħhom minħabba l-vjolenza. Ma kienx jiddejjaq jaħsel saqajn il-foqra, jilbes jeans u jitkellem b’mod li jifhmu kulħadd. L-omeliji tiegħu kienu diretti ħafna. Kien jgħid li omelija għandha tkun bħal miniskirt, qasira u diretta!
Padre Bob, għax kien magħruf, tant integra ruħu fil-ħajja tal-komunitajiet rurali, li tgħallem l-ilsna u l-kultura tagħhom. Kien saħansitra jivvjaġġa biż-żiemel lejn popolazzjonijiet imbiegħda u kważi minsija fl-irdumijiet ta’ Lambayeque. Quddiem l-istmerrija tal-Peruvjani lejn ir-refuġjati mill-Veneżwela, Padre Bob ħadem biex dawn jiġu aċċettati u maħbuba.

Wara li l-President Peruvjan ta’ dak iż-żmien, Alberto Fujimori, xolja l-Kungress u ma rrispetta xejn id-drittijiet tal-bniedem, Padre Bob u oħrajn fil-komunità Agostinjana bdew jieħdu sehem f’dimostrazzjonijiet u jġorru placards bil-kliem tal-Papa Pawlu VI, “Jekk trid il-paċi, aħdem għall-ġustizzja”.
Il-patrijiet organizzaw kunċert fil-pjazza ewlenija ta’ Trujillo biex ifakkru il-vittmi tal-vjolenza mwettqa kemm mill-gwerillieri kif ukoll mill-iskwadri tal-mewt tal-gvern. Grupp ta’ seminaristi daqqew kanzunetta ta’ protesta dwar il-massakru tal-istudenti universitarji tal-1992 li l-fdalijiet tagħhom kienu ngħataw lill-familji tagħhom f’kaxxi tal-ħalib.
Prevost sar vuċi kontra l-abbużi mill-gvern awtoritarju, li fost l-oħrajn kien jikkundanna n-nies bla ma jsirilhom proċess. Il-patri Amerikan kien jitlob li dawn in-nies jinħelsu. Diego García Sayán, ex ministru tal-ġustizzja fil-Perù jgħid li Prevost “fehem profondament ir-realtà tal-Amerika Latina”.
Kien f’nofs is-snin disgħin, meta truppi, armati sa snienhom, waqqfu u telgħu fuq minibus li fuqu kien hemm Padre Bob u grupp ta’ seminaristi Peruvjani. Il-patri u s-seminaristi kienu qegħdin jivvjaġġaw madwar il-pajjiż, jirreċtaw reċti qosra biex bihom joħolqu kuxjenza u jgħinu biex ifejqu pajjiż immarkat minn konflitti mdemmija.
Is-suldati telgħu fil-minibus biex jippruvaw jirreklutaw bil-forza lis-seminaristi. Prevost ikkwotalhom liġi li kienet teżenta lill-kleru mis-servizz militari, u lis-suldati qalilhom bla biża’, “Le, dawn iż-żgħażagħ se jsiru qassisin, ma jistgħux imorru fil-barracks”.
Fil-Perù, Father Bob baqa’ wkoll sportiv u beda jżomm mal-Alianza Lima, wieħed mill-iżjed klabbs tal-futbol prominenti tal-Perù. Fl-1998, Prevost ġie elett Pirjol Provinċjali tal-Provinċja Agostinjana tal-Madonna tal-Bon Konsill f’Chicago.
Pirjol Ġenerali tal-Agostinjani
Fl-2001, Patri Prevost ta’ 46 sena kien elett Pirjol Ġenerali tal-Ordni ta’ Santu Wistin u serva għal żewġ mandati ta’ sitt snin-il wieħed sal-2013. F’dan iż-żmien huwa reġa’ lura fil-Kulleġġ ta’ Santa Monika f’Ruma fejn kien jgħix meta kien għadu jistudja f’żgħożitu. Bħala Pirjol Ġenerali baqa’ jiekol mas-saċerdoti żgħażagħ; jilgħab it-tennis u jqum kmieni għal mixjiet twal.
Fil-kariga ġdida tiegħu, huwa kien iqatta’ ħafna mill-ħin tiegħu jissorvelja u jgħin lill-patrijiet u l-komunitajiet Agostinjani kollha tad-dinja. Prevost qatt ma beża’ mill-vjaġġi fit-tul. Bħala student tal-kulleġġ darba kien tella’ lil sħabu fil-karozza fis-sagħtejn ta’ filgħodu u saq 13-il siegħa minn Villanova lejn Chicago. Kien iħobb il-vjaġġi twal u anke solitarji, kif għamel minn Brisbane sa Sydney fl-Awstralja.
Fil-vjaġġi tiegħu fl-Afrika tkellem dwar il-problema tal-faqar, fl-Asja dwar iż-żieda fil-vokazzjonijiet, fl-Istati Uniti dwar ir-relazzjonijiet interreliġjużi u fl-Ingilterra dwar il-ħtieġa għal knisja moderna biex twieġeb għall-akkużi ta’ abbuż sesswali.
Bħala Pirjol Ġenerali żar kull rokna tad-dinja, xi kultant diversi drabi. Huwa approfondixxa l-ħiliet diplomatiċi tiegħu u l-konnessjonijiet fil-knisja; fehem iktar il-kulturi u l-klima politika fejn kien qed jaħdem l-Ordni tiegħu; u dak kollu li kien meħtieġ biex l-attivitajiet tal-knisja jkunu sostenibbli anki finanzjarjament.
Kien f’dan iż-żmien ukoll li Prevost żar Malta l-ewwel darba, imbagħad reġa’ żarha anki bħala isqof u kardinal. Mill-2013 sal-2014, Prevost serva bħala Direttur tat-Tagħlim fil-Kunvent ta’ Santu Wistin f’Chicago u bħala l-ewwel kunsillier u vigarju provinċjali tal-Provinċja tal-Madonna tal-Bon Konsill.
Isqof fil-Perù
Fit-3 ta’ Novembru 2014, Papa Franġisku ħatar lil Patri Prevost bħala amministratur appostoliku tad-Djoċesi ta’ Chiclayo, fit-tramuntana tal-Perù. Huwa ġie kkonsagrat isqof fit-12 ta’ Diċembru 2014 fil-Katidral ta’ Santa Marija f’Chiclayo. Fis-26 ta’ Settembru 2015 sar l-Isqof ta’ Chiclayo. Qabel ma sar isqof sar ċittadin Peruvjan.
Bħala Isqof ta’ Chiclayo huwa kellu rwol kruċjali quddiem l-abbużi li kienu qegħdin isiru fis-Sodalitium Christianae Vitae (soċjetà ta’ ħajja appostolika magħmula minn qassisin u lajċi kkonsagrati li kienu jgħixu flimkien), li wassal għax-xoljiment tas-Soċjetà f’April 2025, wara ħamsin sena mit-twaqqif tagħha fil-Perù.
Il-persuni li sofrew abbuż minn membri għoljin ta’ din is-Soċjetà, fosthom mill-fundatur innifsu, jgħidu li sa mill-2018, l-Isqof Robert Prevost kien iltaqa’ magħhom u ħa l-akkużi tagħhom bis-serjetà meta ftit oħrajn fil-Knisja kienu għamlu dan. Prevost involva lill-Vatikan u ħadem b’mod konkret biex jipprovdi riparazzjonijiet finanzjarji għall-ħsara li kienu ġarrbu. Huma jagħtuh kredtu talli għen biex jirranġa l-laqgħa ewlenija tal-2022 mal-Papa Franġisku li wasslet għal investigazzjoni tal-Vatikan li rriżultat fix-xoljiment tagħha propju x-xahar li għadda.
Prevost mexxa d-Djoċesi ta’ Chiclayo fl-aktar żminijiet diffiċli fosthom meta fl-2017 l-El Niño ġab għargħar kbar, qered djar u qata’ komunitajiet sħaħ minn riżorsi vitali. “L-Isqof Prevost qatt ma kien it-tip ta’ isqof li jagħti l-ordnijiet minn wara skrivanija,” tgħid Janinna Sesa Córdova. “Huwa kien il-wiċċ ta’ Kristu, dak li ħareġ fit-tajn biex jgħin lil niesu.”
Meta faret ix-xmara La Leche, l-Isqof Prevost immobilizza l-knisja, “ikkoordina mal-ħwienet lokali għad-donazzjonijiet, u bl-għajnuna ta’ voluntiera ċivili u l-forzi armati, stajna nwasslu l-għajnuna bl-ajru f’żoni iżolati,” tgħid Janinna. Il-Professur Aldo Llanos jgħid li Prevost kien isqof dejjem imidd idejh, lest biex “joħroġ bil-boots u bil-poncho”, filwaqt li “meta jasal il-ħin għall-Quddiesa, kien jilbes b’mod impekkabbli — rifless tal-bilanċ u r-riverenza ekkleżjali tiegħu.”
Il-legat tiegħu f’Lambayeque ġie ssiġillat snin wara waqt il-pandemija tal-COVID-19. In-nuqqas ta’ ossiġnu sewa għadd kbir ta’ ħajjiet madwar il-Perù, u Prevost mexxa waħda mill-aktar inizjattivi karitattivi importanti fir-reġjun: il-kampanja Oxygen of Hope.
“Ma kienx hemm ossiġnu. Il-familji kienu qegħdin imutu,” tgħid Janinna Sesa Córdova, responsabbli mill-Caritas tad-djoċesi. “Grazzi għal Mons. Prevost, stajna nixtru żewġ apparati mediċinali tal-ossiġnu u nipprovdu kura b’xejn lil mijiet ta’ familji. Is-sensittività umana tiegħu, speċjalment f’mumenti ta’ kriżi, rebħet il-qalb ta’ kull Chiclayano.”
Ma setax jonqos li waqt l-ewwel diskors tiegħu bħala Papa, waqaf biex isellem lid-“Djoċesi għażiża tiegħi ta’ Chiclayo, il-Perù, fejn poplu fidil akkumpanja lill-isqof tiegħu, qasam tant il-fidi tiegħu biex ikompli jkun Knisja fidila ta’ Ġesù Kristu.”
Maħtur Kardinal
B’differenza minn figuri fil-knisja aktar konfrontattivi, Prevost bena reputazzjoni ta’ mexxej kalm, bilanċjat u profondament pastorali. “Jekk kellu verità iebsa x’jgħid, jew korrezzjoni x’jagħmel, kien jagħmilha fil-privat,” jgħid Llanos.
Il-ħila tiegħu fid-diplomazija wasslet ukoll biex fl-2019, Prevost inħatar membru tal-Kongregazzjoni għall-Kleru, u fl-2020 tal-Kongregazzjoni għall-Isqfijiet. Fi ħdan il-Konferenza Episkopali tal-Perù, ġie elett President tal-Kummissjoni għall-Edukazzjoni u l-Kultura tagħha fejn ta kontribut ukoll f’Caritas Perù. Kien ukoll attiv fil-Kunsill Episkopali tal-Amerka Latina u tal-Karibew.
Fit-30 ta’ Jannar 2023, Papa Franġisku ħatar lil Prevost bħala Prefett tad-Dikasteru għall-Isqfijiet. Fit-30 ta’ Settembru 2023, huwa nħatar kardinal. Bħala prefett, huwa kellu rwol kritiku fl-evalwazzjoni u fir-rakkomandazzjoni tal-kandidati għal isqfijiet madwar id-dinja. Fis-6 ta’ Frar 2025, Papa Franġisku għamlu kardinal-isqof.
Elett Papa
Fil-konklavi Papali ta’ Mejju 2025, Prevost ma kienx meqjus fost l-iktar kandidati papabbli, l-iktar għall-fatt li hu Amerikan. L-elezzjoni tiegħu seħħet nhar it-8 ta’ Mejju, fir-raba’ skrutinju. Dakinhar tal-elezzjoni tiegħu, il-Papa Ljun XIV libes salib pettorali li fih relikwji ta’ qaddisin marbuta mal-ordni Agostinjan: Santu Wistin u Santa Monika. Ir-relikwji kienu ntgħażlu mill-Patri Malti Josef Sciberras, Postulatur Ġenerali tal-Ordni Agostinjan, bħala rigal mill-Kurja Ġenerali lill-konfratell tagħhom Robert Prevost, meta dan inħatar kardinal.
L-ewwel kliem tiegħu lill-folla kbira fi Pjazza San Pietru kien: “Il-paċi tkun magħkom ilkoll! Għeżież ħuti, din hija l-ewwel tislima ta’ Kristu Rxoxt, ir-Ragħaj it-Tajjeb li ta ħajtu għall-merħla ta’ Alla. Jien ukoll nixtieq li din it-tislima ta’ paċi tidħol f’qalbkom, tasal fil-familji tagħkom, għand il-bnedmin kollha, ikunu fejn ikunu, għand il-popli kollha, għad-dinja kollha. Il-paċi tkun magħkom! Din hija l-paċi ta’ Kristu Rxoxt, paċi diżarmata u paċi li tiddiżarma, umli u perseveranti. Tiġi mingħand Alla, Alla li jħobbna lkoll bla kundizzjonijiet.”
Nhar il-Ħadd 18 ta’ Mejju, il-Papa Ljun inawgura formalment il-Pontifikat tiegħu b’Quddiesa fi Pjazza San Pietru, fejn enfasizza temi ta’ unità, responsabbiltà ekoloġika u ħniena mal-emarġinati. Jumejn war żar il-Bażilika ta’ San Paolo Fuori le Mura fejn talab quddiem il-qabar tal-Appostlu Pawlu. Il-Ħadd li għadda, 25 ta’ Mejju, huwa ħa l-pussess tal-Bażilika ta’ San Ġwann Lateran li hija l-Katidral tiegħu bħala Isqof ta’ Ruma.
Fl-ewwel Udjenza Ġenerali tiegħu fil-21 ta’ Mejju, Papa Ljun appella għat-tmiem tal-vjolenza f’Gaża u appella għall-għajnuna umanitarja biex tilħaq lil dawk li qed isofru fir-reġjun. Sa mill-ewwel ġranet tal-pontifikat tiegħu, il-Papa wera impenn qawwi għad-diplomazija globali, sa offra l-Vatikan bħala post għal taħditiet ta’ paċi bejn ir-Russja u l-Ukrajna, iżda l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu wera ruħu xettiku dwar din il-proposta.