Tuesday, December 24, 2024

Pariri mit-tabib dwar il-COVID-19

Aqra wkoll

Miktub Minn Dr Malcolm Paul Galea

Ftit inqas minn xahrejn wara l-ewwel każ ta’ Covid-19 ġewwa l-gżejjer Maltin, il-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela, f’konferenza tal-aħbarijiet mad-deputat Prim Ministru Chris Fearne u s-supretendent tas-saħħa pubblika Charmaine Gauci, ħabbru li wasal iż-żmien li nnaqqsu xi ftit mir-ristrizzjonijiet li kellna f’pajjiżna tul dawn l-aħħar ġimgħat.

Din hija aħbar li ntlaqgħet b’mod differenti min sezzjonijiet differenti tas-soċjetà, kif ukoll min nies li iħarsu lejn din il-pandemija b’perspettivi differenti. Minn naħa rridu nibżgħu għal dak li bnejna b’sagrifiċċju fl-ahhar ġimgħat, però min naħa l-oħra ma nistgħux nibqgħu ġġamjati la darba l-figuri qed juruna li ninsabu f’punt fejn nistgħu nibdew nirrilassaw ftit miżuri. Ma nistgħux ninjoraw l-implikazzjonijiet ekonomiċi li l-pandemija kellha fuq pajjiżna, bħal fil-kumplament tad-dinja. 

Bħal ma dejjem saħqu l-awtoritajiet, is-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin u dawk residenti fi gziritna għandha dejjem tibqa l-ewwel u qabel kollox. Ma nistgħux ninsew li filwaqt li pajjiżna qed jiġġieled l-imxija tal-Covid-19, problemi ta’ saħħa oħrajn għadhom magħna. Ma nistgħux nieqfu f’limbu fejn ninjoraw is-saħħa sakemm il-mard ma jkunx relatat mal-Covid-19. Huwa għalhekk essenzjali li, la darba mill-aspett ta’ saħħa pubblika wasalna f’punt li jtina daqxejn flessibilita, nkomplu bis-servizzi ta’ saħħa oħrajn bħal screening, li minnhom infushom ikunu qed isalvaw l-ħajjiet ukoll! Importanti wkoll nirrealizzaw li miżuri stretti iktar milli hemm għalfejn jista jkollhom effetti negattivi fuq s-saħħa mentali ta’ dawk l-iktar vulnerabbli li jkollhom dawn il-problemi. Barra min hekk, ikun irresponsabbli li ma nharsux lejn l-implikazzjonijiet l-oħra u nippruvaw nnaqqsu l-impatt negattiv f’setturi oħrajn, bħal xogħol, li finalment ukoll jaffetwaw l-ħajja tagħna wkoll. 

Huwa essenzjali li nilħqu bilanċ. Ħadd ma qal li nistgħu mmorru lura għal ħajja ta ftit xhur ilu. Żgur li le! Anzi huwa issa l-mument fejn rridu nkunu responsabbli għal xulxin iktar minn qatt qabel. Ejja ma noħorġux b’ kapriċċ jew għal sempliċiment ħarġa. Nagħmlu użu mis-servizzi jekk niġu bżonnhom imma nibqgħu nirrispettaw d-distanza soċjali u l-istruzzjonijiet mogħtija. Min jirnexxielu jinqeda b’ servizzi ta’ delivery, nħeġġuh jagħmel dan. Min iħoss li m’għandux għalfejn joħroġ, ma joħroġx. Nkomplu nieħdu ħsieb l-anzjani u dawk l-iktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna. Ejja nibżgħu għal xulxin bħal ma għamilna s’issa. 

Nagħlaq billi nħeġġeġ li nkomplu nuru fiduċja assoluta fl-awtoritajiet. Il-mexxejja tagħna u l-uffiċjali tas-saħħa pubblika mexxewna b’għaqal liema bħalu u kif mexxewna s’issa nemmen li se jkomplu jagħmlu. Nemmen li kull ma se jkun hemm bżonn isir, ser isir – inkluż fejn ikun hemm bżonn li jerġgħu jidħlu fis-seħħ miżuri jekk jerġgħu ikunu indikati – biex inkomplu flimkien noħorġu minn din l-imxija bl-unuri u fuq kollox b’ saħħitna u bl-inqas impatt fuqna u fuq pajjiżna!

Ekonomija

Sport