Paris Saint-Germain fasslu offerta attraenti għall-midfielder ta’ Manchester United, Paul Pogba, li jista’ jħalli Old Trafford bi free transfer matul is-sajf li ġej.
Il-midfielder jista’ jiffirma ftehim ta’ qabel il-kuntratt ma’ club barra mill-Ingilterra hekk kif daħal fl-aħħar erba’ xhur tal-kuntratt tiegħu mar-Red Devils; madankollu, hu maħsub li Pogba mhux qed jeskludi li jestendi l-esperjenza tiegħu f’Manchester.
Pogba dan l-aħħar irritorna mat-team immexxi minn Ralf Rangnick aktar kmieni dan ix-xahar wara li kien barra mill-azzjoni minħabba injury mill-bidu ta’ Novembru, li jfisser li dan l-istaġun għamel biss 11-il dehra fil-Premier League ma’ Manchester United.
PSG lesti jipproponu offerta ta’ kuntratt lill-Franċiż, li qatt ma lagħab partita fil-Ligue 1 u jista’ jfittex li jtemm il-karriera tiegħu f’pajjiżu.
Juventus, Barcelona u Real Madrid ukoll qed isegwu d-disponibbiltà ta’ Pogba, iżda l-ġganti Franċiżi x’aktarx li jkunu fl-iktar pożizzjoni b’saħħitha biex jiksbu l-firma tiegħu minħabba l-ġid tal-club tagħhom.
Matul iż-żewġ perjodi tiegħu ma’ Manchester United, il-player ta’ 28 sena skorja 39 goal u pprovda 49 assist f’222 dehra għall-club.