Sunday, December 22, 2024

Paris SG itemmu b’telfa

Aqra wkoll

Lionel Messi u Sergio Ramos lagħbu l-aħħar logħba tagħhom ma’ Paris St-Germain hekk kif iċ-champions ta’ Ligue 1 tilfu kontra Clermont li temmew f’nofs il-klassifika fl-aħħar ġurnata.

Id-difensur Ramos (16) fetaħ l-iskor minn cross ta’ Vitinha u penalty ta’ Kylian Mbappe (21) ta vantaġġ ta’ 2-0 lill-Pariġini.

Clermont tbattu lura u Johan Gastien (24) tefa’ ġewwa wara żball ta’ Marco Verratti. Mehdi Zeffane (45+1) ġab id-draw u Grejohn Kyei (63), li kellu goal imħassar mill-VAR u falla penalty, skorja l-goal tar-rebħa.

L-eks attakkant ta’ Barcelona, Messi, li ismu kien imbuwjat minn xi partitarji qabel bdiet il-logħba, tilef diversi ċansijiet li jżid mat-32 goal tiegħu f’75 logħba għall-club. Bħall-eks difensur ta’ Real Madrid, Ramos, huwa bla kuntratt u se jħalli l-club dan is-sajf.

Al Hilal tal-Arabja Sawdija u Inter Miami tal-MLS huma tnejn mid-destinazzjonijiet possibbli għall-Arġentin Messi.

Il-goal ta’ Mbappe għenu jirbaħ il-ħames Golden Boot konsekuttiv ta’ Ligue 1 biex sar biss ir-raba’ player li spiċċa l-aqwa skorer fi Franza ħames darbiet, indaqs mar-rekord ta’ Carlos Bianchi, Delio Onnis u Jean-Pierre Papin.

L-attakkant ta’ Franza spiċċa b’29 goal, tnejn iktar minn Alexandre Lacazette ta’ Lyon, li ma skorjax fit-telfa ta’ 3-1 kontra Nice.

Ekonomija

Sport