Paris St-Germain …2
Tottenham ………….2
(Paris SG 4-3 bil-penalties)
Iċ-champions Ewropej, Paris St-Germain, rebħu s-Super Cup Ewropea meta għelbu lir-rebbieħa tal-UEFA Europa League, Tottenham, bl-iskor ta’ 4-3 bl-għoti tal-penalties wara li spiċċaw fi draw ta’ 2-2.
Tottenham dehru resqin lejn rebħa meritata meta fetħu vantaġġ ta’ żewġ goals iżda lejn l-aħħar kwarta huma tilfu l-konċentrazzjoni biex għaddew l-inizjattiva lill-avversarji li rkupraw u kisbu d-draw.
Eżatt mal-ftuħ tal-partita, Pedro Porro kien għoddu fetaħ l-iskor għal Tottenham iżda minn qagħda tajba falla l-mira.
Ir-reazzjoni tal-Pariġini waslet fid-disa’ minuta meta ta’ Khvicha Kvaratskhelia xeħet barra bi ftit.
B’mod gradwali, il-Pariġini bdew jirbħu l-inizjattiva u l-pussess tal-ballun iżda mingħajr wisq periklu.
U fl-ewwel attakk denju tal-logħba, li wasal fid-39 minuta, Tottenham fetħu l-iskor meta minn azzjoni ta’ free-kick, it-tentattiv ta’ Paulinha ġie salvat parzjalment mill-goalkeeper, Lucas Chevalier, megħjun mil-lasta u mir-rebound Micky van de Ven sammar il- ballun fix-xibka.
U tliet minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Spurs irdoppjaw meta mill-free-kick insidjuż ta’ Porro, Cristian Romero żmarka lilu nnifsu u minn pożizzjoni angolata għeleb lil Chevalier permezz ta’ daqqa ta’ ras.
Peró, ħames minuti mit- tmiem, il-Pariġini naqqsu l-marġni tal-iskor meta Lee Kang-In venven kanunata minn tarf il-kaxxa li ma ta l-ebda ċans lil Vicario jsalva.
U proprju fl-94 minuta, kisbu d-draw minn daqqa ta’ ras ta’ Goncalo Ramos biex il-partita marret għall-għoti tal-penalties.
Għal Spurs skorjaw Solanke, Bentancur u Porro filwaqt li fallew van de Ve u Tel. Għal PSG skorjaw Ramos, Dembele, Kang-in u Mendes filwaqt li falla Vitina.