Jidher li se tibda saga ġdida dwar l-attakkant internazzjonali Franċiż ta’ Paris St-Germain, Kylian Mbappe.
Dan minħabba li matul il-jiem li għaddew ġie rrappurtat li huwa jrid jitlaq lill-club Pariġin, bid-direzzjoni tista’ tkun lejn Liverpool.
Peró sar magħruf ukoll għaliex fis-sajf li għadda huwa baqa’ mal-club tal-belt kapitali Franċiża.
Filwaqt li bosta kienu dawk il-clubs madwar l-Ewropa li riedu l-firma tiegħu, Real Madrid kienu l-aktar favoriti li jakkistaw lil dan il-player ta’ 23 sena.
Iżda biex żgur ma jitlaqx mill-club, il-Pariġini poġġew prezz ta’ €400 miljun fuq ras Mbappe biex inaffru l-interess tal-Madrileni.
Kien hawnhekk li l-Ispanjoli rtiraw milli jkomplu bit-taħditiet biex eventwalment akkistaw lill-midfielder Aurelien Tchouameni mingħand Monaco.
Min-naħa l-oħra, Mbappe ffirma kuntratt ġdid sal-2025 b’salarju ta’ €560,000 fil-ġimgħa. Iżda fi ftit xhur l-affarijiet għalih inbidlu u issa ħabbar li jrid iħalli l-club.
Huwa ma għandux klawsola fil-kuntratt tiegħu u għaldaqstant it-talba ta’ PSG tista’ tkun bla limitu.