Thursday, December 26, 2024

Parkeġġi għall-e scooters … miżura biex ikun evitat ingombru għat-traffiku u għan-nies

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Minkejja r-regolamenti, il-multi u r-rapporti fil-midja, għad hemm min jagħmel użu mill-mezz tat-trasport tal-e scooters u minflok iħallihom f’post xieraq kif suppost, xorta waħda jitilquhom f’nofs ta’ triq jew inkella fuq bankini kif ġie ġie. Dan jista’ jwassal għal periklu kemm fit-toroq kif ukoll fuq iż-żoni pedonali minn fejn jgħaddu n-nies.

Fir-rigward, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia qal li dan is-servizz daħal f’pajjiżna fl-2019 mingħajr l-infrastruttura ta’ parkeġġi u l-użu taghħom żdied drastikament fl-2021. Kien għalhekk li huwa talab lill-awtorità biex il-Kunsilli, flimkien mal-operaturi, jintroduċu parkeġġi apposta madwar Malta.

Il-Ministru Farrugia fir-rigward ħabbar li, “numru ta’ lokalitajiet popolari se jkollhom dawn il-parkeġġi fiż-żmien li ġej. Bħalissa qegħdin isiru laqgħat mal-Kunsilli flimkien mal-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali biex b’mod imminenti jibdew jiġu implimentati fil-lokalitajiet kollha tal-Kunsill Reġjonali tal-Lvant”.

Fid-dettalji li ta, il-lokalità ta’ San Ġwann diġà implimentat dawn il-parking bays u Birkirkara mistennija jkollha l-infrastruttura lesta fi ftit żmien, filwaqt li x-xogħol fil-lokalitajiet ta’ Tas-Sliema, San Ġiljan u Pembroke se jibdew dalwaqt.

Huwa qal li l-liġi Liġi Sussisdjarja 499.67 telenka x’jiġri fi stanzi fejn ikun hemm ksur tar-regolamenti relatati mal-ipparkeġġar, jiġifieri multi u anke istanzi fejn tali vetturi jistgħu jiġu mneħħija jekk jostakolaw it-traffiku kemm pedonali u anke le, jew ikunu ta’ ingombru.

“Rigward il-multi per se, dawn huma regolati taħt il-Kap. 65, Ordinanza dwar ir-Regolamenti tat-Traffiku, fejn hemm elenkati diversi tipi ta’ multi relatati ma’ pparkjar ħażin, ostakli u t-tfixkil tal-fluss ħieles tat-traffiku,” temm il-Ministru Aaron Farrugia.

Huwa kien qiegħed jirrispondi għal mistoqsija parlamentari magħmula mid-Deputat Nazzjonalista, Toni Bezzina.

Ekonomija

Sport