Numru ta’ anzjani attendew għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-parks nazzjonali li se jkunu qed isiru f’pajjiżna, b’attenzjoni speċjali fuq il-White Rocks.
Din il-laqgħa, immexxija mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli u t-tim ta’ Project Green, hija waħda minn sensiela ta’ laqgħat li qed jiġu organizzati bit-tema ‘Shape your Space’ bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika dwar il-ħolqien ta’ parks nazzjonali fil-White Rocks, Fort Campbell u Manoel Island.
“Irridu nisimgħu l-ideat ta’ kulħadd. Illum iltqajna mal-anzjani fejn qasmu magħna bosta ideat interessanti. Qasmu magħna memorji li jmorru lura meta dawn l-akwati kienu jintużaw bħala barracks tal-Ingliżi. Inħeġġeġ lil kulħadd ikun parti minn dan il-proċess biex dawn il-parks ikunu verament għan-nies,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
F’din il-laqgħa l-parteċipanti kellhom iċ-ċans jaqsmu l-ideat tagħhom, minn stejjer tal-imgħoddi għal ideat ta’ kif jixtiequ jaraw din it-trasformazzjoni. Numru ta’ anzjani tkellmu dwar l-importanza ta’ dawn l-ispazji bħala spazji komunitarji, fejn il-familji jistgħu jiltaqgħu u jqattgħu ħin flimkien. Fost il-proposti li ssemmew kien hemm l-idea li din iż-żona tkun aċċessibbli bit-trasport tal-baħar. Issemma wkoll il-bżonn li l-post ikun aċċessibbli għal kulħadd u li jkun hemm faċilitajiet pubbliċi kif ukoll żona għall-klieb.
Fil-ġimgħat li għaddew Project Green skattat proċess ta’ konsultazzjonijiet, fejn diversi żgħażagħ, studenti tal-arkitettura u kunsilli lokali kellhom l-opportunità jagħtu l-opinjonijiet u s-suġġerimenti tagħhom fuq dawn il-proġetti ambjentali.
“Bħala Aġenzija li qed immexxu din il-konsultazzjoni nemmnu bi sħiħ li kulħadd għandu jagħti sehmu, miż-żgħir sal-kbir. Irridu li proġetti bħal dawn verament jkunu minn nies għan-nies,” irrimarkat is-COO ta’ Project Green, Beverley Costa.
Il-konsultazzjoni pubblika hija miftuħa wkoll fuq https://parksinmalta.mt/have-your-say/.



