Wednesday, October 9, 2024

Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ 2024

Aqra wkoll

​Ilbieraħ filgħodu, l-Ispeaker tal-Parlament ta’ Malta l-Onor. Anġlu Farrugia, mexxa l-edizzjoni tal-2024 tal-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ, imtella’ mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ), flimkien mal-Parlament ta’ Malta. 

Bi preparazzjoni għal din l-attività ż-żgħażagħ jitħarrġu għal diversi ġimgħat dwar il-proċeduri parlamentari, bil-qofol ikun proprju din l-esperjenza ta’ kif timxi seduta parlamentari.  Din hi opportunità għaż-żgħażagħ biex jitgħallmu l-arti tal-persważjoni, fejn minkejja opinjonijiet u veduti differenti dejjem għandhom ifittxu li jikkonvinċu lil ħaddieħor fl-interess komuni u dak nazzjonali. B’hekk is-sehem fid-demokrazija jkun wieħed mill-ifjen.      

F’din l-edizzjoni l-parteċipanti ddiskutew żewġ mozzjonijiet: (a) ir-Rwol tal-President tar-Repubblika ta’ Malta u (b) il-Legalizzazzjoni tal-Maternità Surrogata.

Fid-diskors tal-ftuħ l-Ispeaker saħaq dwar l-importanza tar-rwol tal-Membri Parlamentari. Huwa spjega kif is-siġġijiet fil-Parlament jissarfu f’responsabbiltà kbira, u spjega li l-Parlament huwa spazju liberu fejn il-Membri għandhom il-mandat li jkunu l-vuċi taċ-ċittadini, għaliex f’sistema ta’ demokrazija rappreżentattiva bħal ta’ Malta huma proprju ċ-ċittadini li jeleġġu l-Membri Parlamentari.

L-Ispeaker fakkar li fil-kuntest tal-lum, it-temi magħżula mill-KNŻ huma temi tassew kurrenti. Il-kwestjoni tar-rwol tal-President tar-Repubblika ta’ Malta hija importanti għaliex wara emendi kostituzzjonali mgħoddija mill-Parlament Malti fl-2020, għall-ewwel darba, il-President tar-Repubblika ġiet eletta b’żewġ terzi tal-maġġoranza tal-Kamra kollha aktar kmieni din is-sena.

Dwar it-tieni tema, l-Onor. Farrugia rrimarka li minkejja li l-legalizzazzjoni tal-maternità surrogata hija waħda li taf tqanqal diversi emozzjonijiet, kif spiss jagħmlu temi li jaffettwaw lill-persuni b’mod dirett, din hija tema kurrenti li l-Parlament jista’ jkompli jiddiskuti fil-futur.

Fl-aħħar nett, l-Ispeaker Farrugia awgura lill-parteċipanti dibattitu serju li minnu mhux biss jitgħallmu u jifhmu aħjar x’inhu għaddej bħalissa f’pajjiżna, imma li jgħinhom jirfinaw l-arti ta’ kif wieħed jiddibatti u jagħmel l-argumenti b’mod konvinċenti u kostruttiv, u ħeġġeġ lill-parteċipanti sabiex jibqgħu jżommu din l-esperjenza f’qalbhom.

Matul din l-edizzjoni tal-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ taw ukoll is-sehem tagħhom il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni l-Onor. Clifton Grima, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza l-Onor. Rebecca Buttigieg, l-Onor. Graziella Attard Previ u l-Onor. Bernice Bonello.

Fil-bidu ta’ din is-sessjoni tal-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ inżammet minuta silenzju bħala turija ta’ rispett lejn l-eks Membru Parlamentari Karl Gouder, li ġie nieqes ftit tal-ġranet qabel, u li għal xi żmien kien ukoll membru tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport