L-Ispeaker Anġlu Farrugia mexxa l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Parlament taż-Żgħażagħ 2020. Din l-attività kienet imtella’ flimkien mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ.
Fid-diskors tiegħu, l-Ispeaker tenna l-pjaċir tiegħu li għal sena oħra, matul din l-edizzjoni tal-Parlament taż-Żgħażagħ, il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ qed jagħti l-opportunità liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin sabiex flimkien jiddiskutu suġġetti varji sabiex jitressqu proposti konkreti fl-interess ta’ pajjiżna.
L-Ispeaker qal li fost l-akbar unuri tiegħu bħala President tal-Kamra tad-Deputati qed jippresjedi Parlament żagħzugħ. “Żagħżugħ fil-ħsieb, żagħżugħ fil-ħidma, żagħżugħ fil-qalb li tħabbat fl-interess ta’ kull ċittadin li jeleġixxi lir-rappreżentant tiegħu, u dan grazzi biss għall-involviment dirett tagħkom li minn età żgħira turu l-interess tagħkom fit-tfassil tal-politika tal-jum, li twassal fl-aħħar mill-aħħar sabiex dak jew dik il-persuna tinvolvi lilha nnifisha fix-xena politika”, kompla l-Ispeaker Anġlu Farrugia.
Huwa awgura kull suċċess lil kull wieħed u waħda minnhom u li fis-snin li ġejjin, fil-futur qarib, jarahom jindirizzaw il-Parlament Malti, l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, filwaqt li saħaq li jekk ser jagħmlu din l-għażla għandhom ikunu ġenwini fil-ħsieb u fl-għemil għaliex dawn il-kwalitajiet jagħmlu politiku onest.
Matul il-Parlament taż-Żgħażagħ, il-parteċipanti ddiskutew l-immigrazzjoni irregolari, l-effett ekonomiku tal-imxija COVID-19, l-opportunitajiet fl-isport u fl-arti f’Malta, u l-attiviżmu taż-żgħażagħ fil-politika
Matul din is-seduta pparteċipaw is-Segretarju Parlamentati għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima, u l-MP Robert Cutajar, l-MP Claudio Grech, l-MP Clyde Puli, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici, l-MP Jean Claude Micallef u d-Deputy Speaker Claudette Buttigieg.