Parteċipazzjoni storika u għall-ewwel darba internazzjonali għat-team nazzjonali Malti tal-Beach Soccer hekk kif matul il-ġimgħa d-dieħla se jivvjaġġa lejn il-Moldova għall-European Beach Soccer League 2022.
It-team immexxi mill-coach Taljan Marco Casarsa se jilgħab fil-League B Grupp A, li jibda nhar l-Erbgħa kontra n-Nazzjon ospitanti Moldova, qabel ma jaffronta wkoll lir-Rumanija u lill-Ingilterra fil-grupp.
Imexxi t-tematiċi marbuta mal-Beach Soccer fil-Malta FA huwa l-Viċi President Dr Matthew Paris li emfasizza l-fiduċja tiegħu f’isem l-Assoċjazzjoni li l-Beach Soccer huwa parti sħiħa mill-familja tal-Football. Huwa wassal ukoll l-apprezzament tiegħu lejn l-isponsors Visit Malta u Nestle Ice Cream Malta għas-sapport tagħhom u għall-kontribut tagħhom fl-iżvilupp ulterjuri tal-Beach Soccer f’Malta.
Dr Paris innota wkoll it-titjib sinjifikanti riċenti, fejn faħħar ukoll lill-Malta Beach Soccer Association immexxija mill-president Pio Vassallo għall-impenn tagħhom li jorganizzaw il-kampjonat domestiku fi Pretty Bay.
Il-Viċi President Paris faħħar ukoll il-mod impressjonanti li d-dipartiment tal-Futsal u l-Beach Soccer fi ħdan l-Assoċjazzjoni huwa mmexxi biex jiġi assigurat l-iżvilupp tajjeb tal-logħba.
Huwa ddeskriva l-istrateġija ppreżentata lura fl-2020 mill-Assoċjazzjoni, li tiddefinixxi b’mod prominenti t-tkabbir fil-Beach Soccer fil-gżira, mhux inqas l-iżvilupp tat-Team Nazzjonali tal-Malta Beach Soccer.
Il-Viċi President tal-Malta FA temm billi wiegħed l-impenn tiegħu f’isem l-Assoċjazzjoni li jospita fil-futur qrib Tournament internazzjonali tal-Beach Soccer f’Malta.
Intant in-Nestle Ice-Cream Marketing Manager Joe Cutajar spjega l-importanza tar-responsabbiltà soċjali fi ħdan il-kumpanija li jirrappreżenta li hija kburija li tħaddan dan il-proġett tal-Beach Soccer u ssieħbet permezz ta’ dan il-ftehim ta’ sponsorship.
“L-impenn tagħna bħala kumpanija huwa dak li nkunu parti minn dan il-qawmien mill-ġdid tal-Beach Soccer u ningħaqdu mal-isforzi kollha li saru fit-tkabbir tal-isport f’Malta”, ikkummenta Cutajar.
Il-Kap tal-Beach Soccer fi ħdan il-Malta FA Mark Marlow faħħar l-isforz tal-players tat-Team Nazzjonali matul il-perjodu riċenti ta’ tħejjija bla waqfien.
Huwa semma bil-qawwa l-importanza tas-settur taż-żgħażagħ fl-iżvilupp tal-Beach Soccer u l-isforzi li saru biex jiġġeneraw interess fl-isport mal-ġenerazzjoni żagħżugħa.
Marlow ta dettalji tat-tournament internazzjonali importnati ħafna li se jsir il-ġimgħa d-dieħla fil-Moldova, fejn Malta se tilgħab nhar l-Erbgħa fis-6.30 pm kontra l-ospiti l-Moldova, qabel ma taffronta lir-Rumanija u l-Ingilterra fil-jumejn ta’ wara.
Marlow se jmexxi d-delegazzjoni ta’ Malta li se tivjaġġa lejn il-Moldova nhar it-Tnejn filgħodu.
Il-coach tal-Malta Beach Soccer Team Marco Casarsa tkellem ukoll ħafna dwar il-players tiegħu u x-xogħol li sar fl-aħħar ġimgħat qabel dan it-tournament.
“Il-players ħadmu ħafna, urew attitudni mill-aqwa fl-erba’ stadji (kampijiet ta’ taħriġ) li saru li kienu jinkludu eżerċizzji fil-fond xi drabi, biex ikunu ppreparati tajjeb għal dawn il-logħbiet iebsin li ġejjin”.
Żied jgħid li fiżikament il-players tiegħu dejjem kienu f’forma tajba ħafna, tattikament u teknikament bdew bil-mod iżda minn dakinhar tjiebu b’mod sinjifikanti u ninsabu kunfidenti li mmorru fil-Moldova mhux biss biex nipparteċipaw imma possibilment biex niksbu riżultati pożittivi.
Casarsa temm jgħid, li hemm distakk tremend bejn il-logħob domestiku u l-kompetizzjoni f’logħbiet Ewropej; il-players huma konxji bis-sħiħ li għandna tliet logħbiet fi tliet ijiem, għalhekk irridu nkunu fl-aqwa tagħna, nimmassimizzaw din l-opportunità, u nkunu magħqudin f’mira waħda – li nerġgħu lura Malta b’riżultati tajbin u nibnu pedament sod qabel l-impenji futuri.