Saturday, December 21, 2024

Partit Laburista miftuħ u li jkompli jappella għall-ħtiġijiet tan-nies b’deċiżjonijiet importanti – il-PM

Aqra wkoll

“Billi nibqgħu miftuħin u iktar appellabbli fl-2027 il-Partit Laburista jista’ jġib riżultat b’saħħtu.”

Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt intervista mas-sit Lovin Malta hekk kif ġie mistoqsi dwar l-elezzjonijiet tad-Deputati Mexxejja tal-Partit Laburista f’Settembru li ġej.

B’rabta ma’ dan ukoll il-Prim Ministru sostna l-importanza tal-ġudizzju li jridu jagħmlu d-Delegati tal-Partit Laburista.

“Jiena nemmen li d-Delegati, il-ġudizzju li jridu jagħmlu huwa li jridu jaraw partit illi jkompli jinfetaħ, ikompli jiġi aktar appellabbli għal dawk li huma moderati fis-soċjetà tagħna, li jappella dejjem aktar għal faxxa wiesgħa tal-poplu tagħna.”

Intant, il-Prim Ministru kien mistoqsi wkoll mill-ġurnalist Tim Diacono, dwar numru ta’ temi u żviluppi politiċi f’pajjiżna fosthom dwar l-aħħar deċiżjonijiet tal-Gvern b’rabta mal-ħaddiema barranin f’pajjiżna.

Filwaqt li Dr. Abela sostna kif id-deċiżjonijiet ittieħdu fl-aqwa interess tal-pajjiż u dak li jirrikjedi s-suq, irrimarka wkoll kif l-istess deċiżjonijiet jipproteġu Maltin li jaħdmu f’dawn l-oqsma.

“Hemm Maltin li nvestew fil-vetturi Y-Plates u t-taħdidiet tagħna magħhom kienu li raw il-qligħ tagħhom diċenti jonqsilhom b’mod esaġerat u jiena rrid ukoll lill-Maltin u l-Għawdxin ikollhom għajxien diċenti.”

Dwar is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’pajjiżna, il-Prim Ministru tenna li se jkomplu jintensifikaw ix-xogħlijiet matul din is-sena biex din tibqa’ tiġi aġġornata u mtejba għall-ħtiġijiet tal-lum.

“Il-maġġoranza tal-poplu ibbenefikat mix-xogħlijiet li għamilna s-sena li għaddiet. Ma jfissirx li ma kellekx nies li ġew impattati u ma’ dawk niskuża ruħi illi aħna fix-xhur li bihom telqu x-xogħlijiet minn Novembru li għadda ma lħaqniex għamilna x-xogħlijiet kollha, sinċerament niskuża ruħi magħhom però li nwegħdhom huwa li fit-tieni fażi tax-xogħlijiet se nkomplu nintensifikaw ir-ritmu biex dak it-82km li saru s-sena li għaddiet nibqgħu naħdmu u dis-sena wkoll aktar kmieni nibqgħu nintensifikaw ħa jibqgħu isiru aktar.”

Fi tmiem l-intervista, il-Prim Ministru rrijafferma wkoll l-impenn tal-Gvern li jkompli jkun ta’ spalla għall-familji u n-negozji billi jkompli jissussidja l-prezzijiet tad-dawl u l-fjuwil fiż-żmien li ġej.

Ekonomija

Sport