Sunday, November 24, 2024

Partita delikata għall-Ingilterra kontra l-Iran

Aqra wkoll

Illum għandu jkun jum speċjali għad-di­lettanti tal-football Ingliż hekk kif l-Ingilterra jibdew l-impenji tagħhom minn Grupp B kontra l-Iran.

L-Ingilterra kkwalifikaw għal din it-Tazza tad-Dinja wara li baqgħu bla telfa fl-għaxar logħbiet ta’ kwalifikazzjoni tagħhom u kkwalifikaw b’26 minn 30 punt possibbli.

Din se tkun is-16-il darba li l-Ingilterra se jilagħbu fil-fażi finali bl-aqwa tmiem tagħhom ikun fl-1966 meta spiċċaw bħala champions.

Huma spiċċaw ir-raba’ fl-2018, wara li tilfu kontra l-Kroazja fis-semi-finali u tilfu kontra l-Belġju fil-play-off tat-tielet post.

L-Iran rebħu l-grupp ta’ kwalifikazzjoni tagħhom fejn ġew megħluba f’okkażjoni waħda biss biex ikkwalifikaw għas-sitt dehra tagħhom. L-ewwel darba kienet fl-1978 u  qatt ma għaddew mill-Fażi tal-Gruppi. 

Din se tkun logħba delikata għall-Ingilterra, bl-arma tal-Iran ikun il-kontrattakk veloċi tagħhom. 

L-Ingliżi għandhom lil Kyle Walker barra hekk kif għadu qed jirkupra minn injury fil-groin, iżda jilħaq jirkupra  fil-ħin biex jilgħab fit-tieni logħba kontra l-Istati Uniti. 

James Maddison tilef xi wħud mis-sessjonijiet ta’ taħriġ qabel din il-logħba u għalhekk huwa dubjuż. Huwa ġie mkeċċi kmieni fir-rebħa ta’ Leicester fuq West Ham qabel il-waqfa tat-Tazza tad-Dinja, bi problema żgħira f’irkopptu.

Min-naħa tal-Iran, dawn ħadu l-aħbar tajba li Sardar Azmoun irkupra għal kollox mill-injury tiegħu u teżisti possibbiltá kbira li jkun fil-formazzjoni inizjali.

Sport