Illum fl-4:00 p.m., il-Ġappun jiltaqgħu mal-Kroazja liema partita tista’ tmur kull naħa.
L-Asjatiċi kkwalifikaw għar-round tal-Aħħar 16 bħala r-rebbieħa ta’ Grupp E, wara li għelbu lil Spanja fl-aħħar logħba bl-iskor ta’ 2-1. Huma qatt ma kkwalifikaw lil hinn minn dan l-istadju, fejn ġew eliminati fl-Aħħar 16 fi tliet okkażjonijiet, inkluż fl-2018 meta ġew eliminati mill-Belġju.
Il-Kroazja temmew fi draw ta’ mingħajr goals kontra l-Belġju fl-aħħar partita tal-grupp li kien biżżejjed biex kisbu t-tieni post fi Grupp F.
Huma temmew bħala finalisti telliefa fl-aħħar edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja meta sfaw megħluba minn Franza bl-iskor ta’ 4-2.
Huma għadhom iridu jitilfu partita f’dan ir-round minħabba li meta waslu sa dan l-istadju dejjem ikkwalifikaw għall-kwarti-finali.
Il-Ġappun urew fir-rebħiet tagħhom fuq Spanja u l-Ġermanja, li jistgħu jikkawżaw is-sorpriżi, u għalhekk hemm ċans li jistgħu jiksbu rebħa f’dan l-istadju kontra t-team Kroat li mhuwiex fl-istess livell li kien erba’ snin ilu.
Il-Ġappun m’għandhom l-ebda problemi ta’ injuries iżda Ko Itakura huwa sospiż għal din il-logħba wara li fl-aħħar logħba akkumula t-tieni karta safra f’dan it-tournament.
Min-naħa l-oħra, il-Kroazja se jkunu bl-aqwa formazzjoni iżda jekk Luka Modric u Dejan Lovren jintwerew il-karta s-safra jkunu sospiżi għal-logħba li jmiss.