Friday, December 5, 2025

Partita ta’ Ħbiberija: Il-Kroazja twettaq tpattija sportiva fuq Malta

Aqra wkoll

Malta ………0

Kroazja …….3

Minn Cristian Muscat

Fit-tieni partita internazzjonali ta’ ħbiberija, it-team Kroat tan-Nisa għeleb lil dak Malti bl-iskor ta’ 3-0 biex wettaq tpattija sportiva wara li fl-ewwel logħba, il-Maltin kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1.

Kienu l-Kroati li ħarġu fuq l-offensiva u fil-ħames minuta, Ivana Ruderic kellha x-xutt tagħha minn pożizzjo­ni ideali salvat mill-goalkeeper Maltija, Maya Cachia.

Il-Maltin wieġbu fil-11-il minuta meta Rachel Cuschieri kellha xutt mid-distanza salvat mill-goalkeeper Doris Bacic.

Disa’ minuti wara, il-Kroati reġgħu ħolqu l-periklu iżda Barbara Zivkovic mill-qrib għolliet il-mira tagħha.

Huma komplew jiddettaw il-logħob u fl-24 minuta, Ruderic, fajret xutt minn tarf il-kaxxa li ġie salvat f’żewġ tenattivi minn Cachia.

Żewġ minuti wara, l-avversarji tagħna reġgħu kienu insidjużi minn free-kick mogħti minn Zivkovic, li iżda, għadda ftit barra.

Il-Maltin wieġbu fil-35 minuta meta Maria Farrugia għaddiet tajjeb lejn Cuschieri li wiċċ imb’wiċċ ma’ Bacic, rat lil din tal-aħħar iċċaħħadha milli tiskorja.

Madankollu, fil-41 minuta, il-Kroati fetħu l-iskor meta wara li rċeviet minn cross ta’ Lucija Vunic, MAJA JOSCAK, kienet fil-post it-tajjeb u fil-mument opportun u permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża minn taħt il-lasti tefgħet ġewwa.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, il-Kroati komplew fejn ħal­lew qabel il-mistrieħ u  fis-47 minuta rduppjaw l-iskor meta IVANA RUDE­LIC żmarkata għal kollox, avvanzat fil-kaxxa u b’eleganza kbira tefgħet il-ballun fir-rokna tax-xibka.

Malta wieġbet fil-55 minuta permezz ta’ free-kick ċentrali ta’ Cuschieri li ġie salvat mingħajr diffikultá minn Bacic.

Huma komplew fuq l-offensiva u fit-63 minuta, xutt sabiħ ta’ Nicole Sciberras intemm għoli.

Il-Maltin komplew jippressaw fit-tentattiv li jnaq­qsu l-marġni tal-iskor u tliet minuti wara, Maria Farrugia kellha t-tentattiv tagħha salvat tajjeb minn Bacic. Il-Kroati wieġbu fit-72 minuta permezz ta’ xutt mid-distanza ta’ Zivkovic li spiċċa għoli.

Tliet minuti wara, huma ssiġillaw ir-rebħa meta KARLA KURKUTOVIC, antiċipat lil kulħadd, u mill-viċin mattret sieqha u tefgħet il-ballun fix-xibka

MALTA: 12-Maya Cachia (23-Patricia Ebejer 73), 4-Emma Lipman (17-Brenda Borg 73), 5-Stephania Farrugia, 6-Oceane Grange, 7-Sara Saliba, 8-Rachel Cuschieri (13-Maya Lucia 73), 10-Maria Farrugia, 14-Shona Zammit (11-Leah Ayres 80), 18-Yulya Carella (9-Kailey Willis 46), 20-Nicole Sciberras, 22-Rebecca Bajada (3-Georgiana Mifsud 86)  – Coach: Manuela Tesse

KROAZJA: 1-Doris Bacic (23-Ana Ristovski 85), 2-Lucia Orkic (5-Kristina Nevrkla 80), 3-Ana Jelencic, 4-Lucija Vunic (11-Ivana Slipcevic 76), 6-Tea Vracevic (15-Laura Vlastelica 80), 8-Maja Joscak (17-Paula Vidovic 76), 9-Ivana Rudelic (18-Ella Lustina 85), 13-Helena Spajic (22-Siena Stambolic 85), 19-Janja Canjevac (10-Izabella Lojna 85), 20-Karla Kurkutovic (7-Petra Mikulica 85), 21-Barbara Zivkovic  – Coach: Nenad Gracan

referee: Rapjan Xhyra

ASS. refereeS: Paula Butti­gieg, Beti Petkovska

RABA’ UFF: Sara Kankaras

SKORERS:  M. Joscak 41, I. Rudelic 47, K. Kurkutovic 75 (K)

AMMONITA:  L. Vlastelica (K)

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport