Saturday, December 21, 2024

Partita ta’ ħbiberija: Malta b’rebħa minima fuq Azerbaijan

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Malta …………1

Azerbaijan …. 0

F’partita ta’ ħbiberija, Malta għelbet lil Azerbaijan bl-iskor ta’ 1-0 liema rebħa setgħet kienet ferm akbar li kieku l-players Maltin kienu aktar preċiżi fil-konklużjonijiet tagħhom. 

Iżda huma ddominaw u  kienu mpostati taj­jeb u bdew isibu lil xulxin b’intuwizzjoni naturali, tant, li l- avversarji qatt ma daħlu fil- logħba.

Din il-partita mmarkat it-tmiem tad-difensur Andrei Agius li bil-flokk naz­zjonali lagħab 103 partiti u skorja sitt goals wara li ddebutta nhar il-25 ta’ Frar, 2006, fit-telfa ta’ 2-0 kontra l-Moldova, f’tournament ta’ ħbiberija li sar fl-Ista­dium Nazzjonali. 

L-ewwel azzjoni perikoluża waslet fil-ħames minuta meta Alex Satariano daħal fil-kaxxa fejn tawwal il-ballun lejn Jurgen Degabriele iżda ġie antiċipat fil-ħin minn Hojjat Haghverdi qabel l-attakkant Malti seta’ jagħmel xi forma ta’  ħsara.

Tliet minuti wara, il- goal­keeper Ażeri, Salahat Agayev, wettaq save spettakolari mill-ka­nunata ta’ Andrei Agius li l-first-timer tiegħu deher li  kien se jispiċċa fir-rokna tas-saqaf tax-xibka.

Fl-20 minuta, il-Maltin ħol­qu kontrattakk mibni minn Degabriele li għadda lejn Teddy Teuma li kompla lejn Joseph Mbong li avvanza iżda falla l-mira komple­tament biex iċ-ċans intilef.

Fl-24 minuta,  Sata­riano rebaħ free-kick barra l-kaxxa wara li aċċentwa l-waqgħa meta pprova jaq­beż lil Maksim Medvedev li fil-veritá lanqas biss għa­mel kuntatt miegħu.  Iżda mill-istess free-kick, Agius xeħet għoli.

Fit-33 minuta, reġa’ kien Haghverdi li salva lit-team tiegħu meta antiċipa fil-ħin lil Satariano li daħal tajjeb għal pass ta’ Mbong.

Erba’ minuti wara Teuma fajjar xutt minn barra l- kaxxa iżda x-xutt tiegħu ġie mblukkat u Degabriele ma rnexxielux jirkupra l-ballun ħdejn il-kaxxa ż-żgħira.

Eżatt qabel tmiem l-ew­wel taqsima waslet l-aħjar azzjoni Maltija meta Ca­menzuli għadda lejn Degab­riele li pprova jkompli l-ballun għal ġewwa iżda ġie mċaħħad minn sieq il-lasta.    

It-tieni taqsima, fetħet b’xutt ta’ Brandon Paiber li bl-għajta tal-goal ġie mċaħ­ħad minn Agayev.

Fil-50 minuta, fl-ewwel attakk tagħhom, l-Ażeri resqu viċin meta x-xutt ta’ Ramil Sheydaev ġie devjat minn Zach Muscat li kien se jinganna b’Bonello.

Fil-55 minuta, ftaħna l- iskor meta Teuma xeħet lejn JURGEN DEGABRIE­LE li ħareġ bejn żewġ di­fensuri avversarji u minn qagħda an­golata xeħet fir-rokna tax- xibka.

Fit-63 minuta, f’azzjoni korali Maltija, Mbong seta’ għamel aħjar meta minn pożizzjoni ideali xeħet barra. Tliet minuti wara, b’daqqa ta’ takkuna Teuma żmarkat għal kollox lil Luke Montebello iżda l-konklużjoni tie­għu għaddiet tħakkek ma’ sieq il-lasta.

Fis-77 minuta, Paiber falla ċans tad-deheb meta mill-cross ta’ Montebello d-daqqa ta’ ras tiegħu kienet wisq ċentrali. Ħames minuti wara Agayev salva goal ċert fuq xutt qawwi ta’ Satariano minn pożizzjoni angolata.

MALTA: 1-Henry Bonello, 3-Ryan Camenzuli, 4-Steve Borg, 5-Andrei Agius (22-Zach Muscat 42), 6-Matthew Guillaumier, 7-Joseph Mbong, 8-Brandon Paiber (21-Dunstan Vella 81), 14-Alex Satariano (10-Steve Pisani 88), 17-Teddy Teuma, 18-Jurgen Degabruele (9-Luke Monetbello 65), 20-Jean Borg (2-Ferdinando Apap 88)  – Coach: Devis Mangia

AZERBAIJAN: 1-Salahat Agayev, 2-Gara Garayev, 3-Azer Salahil, 5-Maksim Medvedev (R. Dadashov 77), 6-Hojat Haghverdi, 8-Emin Makhmudov (7-Ruslan Akmedzade 65), 11-Rami Sheydayev (21-Amin Seydiyev 80), 13-Abbas Huseynov (10-Dmitri Nazarov 66), 14-Eddy, 18-Filip Ozobic (17-Turai Bayramov), 22-Aleksey Isaev (15-Badavi Huseynov 65)  – Coach: Gianni De Biasi

REFEREE: Cesar Soto Grado (Spanja)

ASS. REFEREES: Jose Enrique Naranjo Perez, Angel Navado Rodriguez (Spanja)

RABA’ UFF: Emanuel Grech

SKORER: J. Degabriele 55 (M)

AMMONITI: G. Garajev (A)  

– Cristian Muscat

Ekonomija

Sport