Sunday, December 22, 2024

Partita ta’ ħbiberija: Malta titlef kontra l-Venezwela

Aqra wkoll

Malta ……….0

Venezwela ….1

F’partita ta’ ħbiberija, Mal­­ta sfat megħluba bl-iskor ta’ 1-0 mill-Venezwela  li kienu l-ewwel avversarji mill-Amerika t’Isfel fl-istorja tat-team nazzjonali Malti. 

Fil-veritá kienet logħba diffiċli minħabba li l-Venezwelani dehru teknikament u atletikament aħjar u veloċi fuq il-ballun. 

Ta’ min jgħid li f’din il-partita żewġ players “barranin” ingħataw id-debutt mat-team nazzjonali Malti. 

Dawn huma l-Arġentin Matias Garcia (Floriana) li ngħata ċ-ċittadinanza bil- mer­­tu u l-Ingliż James Brown (St Johnstone) li jikkwalifika għaċ-ċittandinanza minħabba l-antenati. 

Fl-ewwel taqsima l-avversarji tagħna kienu territorjalment superjuri bil- players Maltin ikunu kos­tretti jirtiraw lura biex jil­qgħu u jassorbu l-pressjoni tagħ­hom … bl-aktar ħsara tasal mill-faxex laterali minn Jhon Murillo u Yeferson Soteldo. 

Fit-tieni taqsima, il-Maltin immaturaw u dehru aktar kompatti fejn għamluha diffiċli għall-Venezwelani biex jippenetraw. 

Għall-kronaka, sa mis-sufara inizjali l-Venezwela ħar­ġu fuq l-offesiva u wara biss tliet minuti kien José Rondon li b’xutt ċentrali fil-baxx impenja lill-goalkeeper, Jake Galea.  

Fl-10 minuta, l-istess Ga­lea dawwar f’corner mill-free-kick b’saħħtu ta’ Eduard Bello. Tliet minuti wara, dan tal-aħħar għadda lejn Rondon li ġibed il-ballun minn tarf il-kaxxa u minn pożizzjoni ideali xeħet ferm għoli. 

Fil-21 minuta, Jhon Mu­ril­lo għeleb in-nasba tal-offside, għadda lejn Bello li minn tarf il-kaxxa xeħet għo­li. 

Fit-32 minuta, waslet l-ewwel azzjoni ta’ Malta meta mill-corner ta’ Paul Mbong, Matthew Guillau­mier u Zach Muscat naqsu li jikkonnettjaw biex setgħu xeħtu l-ballun fix-xibka. 

Peró, żewġ minuti wara, Venezwela fetħu l-iskor meta Teddy Teuma tilef il-ballun f’nofs il-ground, biex Jhon Chancellor għad­da mill-ewwel lil Yeferson Soteldo … avvanza u xeħet lejn JOSÉ RONDON li min­kejja li kien issikkat minn Muscat għeleb lil Galea permezz ta’ daqqa ta’ ras.

Appena għaddiet minuta, l-avversarji resqu viċin li jirduppjaw meta minn azzjoni ta’ corner, id-daqqa ta’ ras ta’ Osorio sabet lill-goalkeeper Malti attent.  

L-ewwel azzjoni fit-tieni taqsima waslet fit-62 minuta meta Yohan Cumana xeħet cross insidjuż li sab lil Steve Borg jixħet f’corner. Ir-reaz­zjoni Maltija kienet waħda mmedjata iżda l-cross ta’ Matias Garcia ġie nnewtra­lizzat minn Yangel Herrera. 

Fit-73 minuta, irbaħna free-kick f’tarf il-kaxxa meta Teuma twaqqa’ minn Yohan Cuman … li minnu l-istess Teuma xeħet ċentrali. 

Fit-83 minuta, Galea kien providenzjali meta Soteldo għadda lejn Yangel Herrera li minn tarf il-kaxxa ż-żgħira ra t-tentattiv tiegħu salvat mill-goalkeeper Malti biex evita goal ċert.   

MALTA: 16-Jake Grech, 3-Ryan Camenzuli, 6-Matthew Guillaumier (21-Dunstan Vella 46), 8-Jake Grech (20-Luke Gambin 64), 11-Paul Mbong (9-Luke Montebello 64), 13-Enrico Pepe (4-Steve Borg 46), 14-Karl Micallef (23-Mattia Veselji 84), 17-Teddy Teuma, 18-James Brown, 19-Matias Garcia (10-Jan Busuttil 77), Zach Muscat – Coach: Devis Mangia

VENEZWELA: 1-Wuilker Farinez, 2-Nahuel Ferraresi, 3-Yordan Osorio (16-Roberto Rosales 77), 4-Jhon Chancellor, 6-Yangel Herrera (13-José Martinez 85), 10-Yeferson Soteldo, 15-Jhon Murillo (7-Adlaberto Penaranda 46), 18-Eduard Bello (17-Cristian Casseres 80), 23-Salomon Rondon (9-Fernando Aristeguieta 80), 25-Yohan Cumana, 26-Christian Larotonda (8-Tomas Rincon 77) – Coach: José Pekerman

REFEREE: Kristo Tohver (Estonja)

ASS. REFEREES: Silver Kolv, Sten Klaasen (Estonja)

RABA’ UFF: Trustin Farrugia Cann (Malta)

SKORER: J. Rondon 34 (V) 

AMMONITI: E. Pepe, R. Camenzuli, J. Brown (M); J. Chancellor, Y. Cumana, N. Ferraresi (V)

Ekonomija

Sport