Saturday, December 21, 2024

Partita ta’ Ħbiberija: Rebħa għal Malta b’żewġ goals fit-tieni taqsima

Aqra wkoll

Malta …………………..2

Liechtenstein …..…..0

Minn Cristian Muscat

F’partita ta’ ħbiberija, Malta għelbet lil Liectenstein bl-iskor ta’ 2-0 bir-reb­ħa timmatura wara l-mistrieħ hekk kif il-players tagħna kibru fl-istatura wara taqsima prattikament diżappun­tanti.

Din il-logħba, li serviet bħala preparazzjoni għal-logħba ta’ nhar it-Tlieta li ġej, kontra Andorra valida mill-UEFA Nations League … u bla dubju, il-players tagħna se jinżlu b’moral għoli minħabba l-wirja fit-tieni taqsima kienet waħda impekkabbli. 

Din ir-rebħa kienet ukoll ir-raba’ waħda minn daqstant logħbiet taħt it-tmexxija tal-coach temporanju, Davide Mazzotta, u għaldaqstant wieħed jawgura li jkompli b’din ir-responsabbiltá fil-kariga ta’ coach nazzjonali.

Fil-veritá, l-ewwel taqsima ma tantx offriet eċċitament hekk kif iż-żewġ settijiet ta’ players bdew jannullaw u jinnewtralizzaw lil xulxin, b’logħob kon­fuż bil-konsegwenza li l-ballun ma bediex jasal għand l-attakkanti rispettivi biex iż-żewġ goalkeepers rari ġew impenjati.  Għaldaqstant bdew jirrikorru għal crosses fit-tul li bdew jisfumaw fix-xejn.

Barra minn hekk, il-players inħakmu min-nervożiżmu bla bżonn u bdew jikkommettu bosta fouls u għaldaqstant il-fluwiditá tat-temp tal-logħob kienet ineżistenti. Infatti kull żewġ minuti, ir- referee kien kostrett li jwaqqaf il-logħba … bil-players avversarji jkunu aktar kattivi fid-daħliet tagħhom. 

Fit-tieni taqsima, it-team Malti, kien trasformat għal kollox hekk kif f’temp ta’ żewġ minuti skorjaw żewġ goals biex bdew jiddettaw il-logħob … u kienu territorjalment dominanti bil-konsegwenza li r-rebħa setgħet kienet akbar.

Proprju fl-ewwel sekondi tal-partita, il-Maltin ħarbu b’kontrattakk iżda Paul Mbong ġie mwaqqaf fil-ħin minn Martin Marxer hekk kif deher li seta’ jaħrab waħdu. Iżda mill-free-kick li rriżulta, Matthew Guillaumier ixxuttja ċentrali.

Fis-17-il minuta, Liechtenstein reb­ħu free-kick fi tliet kwarti ta’ ground iżda l-cross ta’ Dennis Salanovic espona lill-kollega Marxer f’pożizzjoni ta’ offside li għola in extremis biex jipprova jinganna bil-goalkeeper, Bonello.

Fit-26 minuta, xutt dgħajjef ta’ Carlo Zammit Lonardelli ġiegħel lill-goalkeeper, Benjamin Buchel, jiġbor il-ballun mingħajr wisq tbatija.

Fil-35 minuta waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota meta Trent Buhagiar approfitta minn indeċiżjoni bejn Lars Traber u Sandro Wiese, fejn immira lejn ir-rokna tax-xibka, iżda b’siequ, il-goalkeeper Buchel xeħet f’corner.

Fl-40 minuta, assistejna għal foul brutali ta’ Aron Sele li litteralment qaċ­ċat għal kollox lil Zammit Lonardelli minn mal-art … biex intwera biss il-karta s-safra … u b’xorti tajba l-player Malti seta’ jkompli jilgħab.

Sekondi mill-ftuħ tat-tieni taqsima, il-goalkeeper Buchel kien providenzja­li għal Liechtenstein meta evita goal ċert billi b’titjira fil-baxx dawwar f’corner it-tentattiv ta’ Mbong wara li rċieva mingħand Trent Buhagiar.

Fit-52 minuta, il-Maltin fetħu l-iskor meta Guillaumier rebaħ ballun fi tliet kwarti ta’ ground … għadda through pass lejn JURGEN DEGABRIELE li evita lil Sandro Wolfinger u minn tarf il-kaxxa għeleb lil Buchel.

Żewġ minuti wara, il-Maltin irduppjaw meta mill-corner ta’ Degabriele, LUKE TABONE wasal l-ewwel fuq il-ballun u b’daqqa ta’ ras ħasad għal kollox lil Buchel li ddevja l-ballun fix-xibka tiegħu stess.

Fit-68 minuta, il-goalkeeper Buchel wettaq żewġ saves kbar fuq Alex Sata­riano minn pożizzjoni angolata u fuq Degabriele bl-għajta tal-goal!

Mill-bqija tal-partita, il-Maltin għażlu li jżommu l-pussess tal-ballun aktar milli jkomplu jippressaw biex jippreservaw l-enerġija għal-logħba tant importanti kontra Andorra!

MALTA: 1-Henry Bonello (16-Rashed Al-Tumi 61), 2-Jean Borg (20-Neil Micallef 88), 6-Matthew Guillaumier (10 Teddy Teuma 61), 11-Paul Mbong (23-Alex Satariano 61), 13-Enrico Pepe (4-Gabriel Mentz 61), 14-Kyrian Nwoko (18-Jurgen Degabriele 46), 15-Myles Beerman, 19-Trent Buhagiar, 21-Dunstan Vella, 25-Carlo Zammit Lonardelli, 26-Luke Tabone – Coach: Davide Mazzotta

LIECHTENSTEIN: 1-Benjamin Buchel, 3-Max Goppel, 4-Lars Traber, 5-Martin Marxer (2-Niklas Beck 24), 7-Marcel Buchel (15-Fabio Wolfinger 71), 8-Aron Sele (14-Livio Meier 58), 9-Ferhat Saglam, 10-Sandro Wiese (13-Kenny Kindle 46), 11-Dennis Salanovic (16-Fabio Notaro 58), 17-Simon Luchinger, 18-Nicolas Hasler (15- Wolfinger 46) – Coach: Konrad Kunfstuck

REFEREE: Gustavo Correia (Portugall)

ASS. REFEREES: Pedro Ribeiro, Pedo Felisberto (Portugall)

RABA’ UFF: Trustin Farrugia Cann (Malta)

SKORERS: J. Degabriele 52, L. Tabone 54 (M)

AMMONITI: M. Marxer, S. Wiese, A. Sele, F. Wolfinger (L); E. Pepe, C. Zammit Lonardelli (M)

Ekonomija

Sport