Tuesday, September 9, 2025

Partita ta’ Ħbiberija: Riżultat u wirja mill-aktar pożittivi mill-Maltin

Aqra wkoll

Malta..……………… 3

San Marino….……. 1

Malta kisbet l-ewwel rebħa minn kemm ilu fit-tmexxija l-coach Emilio De Leo meta għelbet lil San Marino 3-1 f’ logħba ta’ ħbiberija.

It-tim Malti wera l-istess entużjażmu u determinazzjoni li wera fid-draw kontra l-Litwanja nhar il-Ħamis li għadda u rnexxielu jibni vantaġġ ta’ tliet goals imma żewġ tkeċċijiet lejn tmiem l-ewwel taqsima kif ukoll goal għal San Marino naqqsu xi ftit ir-ritmu tal-logħba. Għalkemm il-Maltin baqgħu l-aħjar team, huma ma rnexxielhomx ikabbru l-iskor matul it-tieni taqsima.

Il-coach Malti Emilio De Leo għamel żewġ bidliet mill-logħba kontra l-Litwanja hekk kif Juan Corbalan u Matthew Guillaumier bdew flok Myles Beerman u Brandon Paiber.

Il-Maltin ħarġu tajjeb u wara biss tliet minuti, Paul Mbong qassam lejn Joseph Mbong li kellu xutt tajjeb minn barra l-kaxxa salvat mill-goalkeeper ta’ Gżira United u t-tim nazzjonali ta’ San Marino, Edoardo Colombo.

Żewġ minuti wara, l-Maltin marru minn fuq meta IRVIN CARDONA ħa l-ballun fi tliet kwarti ta’ pitch u avvanza tajjeb qabel fajjar xutt b’ saħħtu minn barra l-kaxxa li ma ta ebda ċans lil Colombo.

San Marino rrispondew b’ xutt fil-baxx mill-lemin ta’ 9 fit-tmien minuta li ġie salvat minn Bonello.

Malta rduppjat fil-ħdax-il minuta meta minn Ilyas Chouaref qassam lejn Matthew Guillaumier mil-xellug bil-captain Malti jikkonkludi lejn il-lasta imma l-ballun ġie mxellef minn ZACH MUSCAT biex għeleb lil Colombo.

Fit-22 minuta, Filippo Fabbri kellu daqqa ta’ ras salvata minn Bonello wara li rċieva cross mil-lemin u minuta wara freekick mix-xellug ta’ Chouaref għoddu ħasad lil Colombo li imma rnexxielu jsalva. Freekick ta’ Alessandro Tosi mil-lemin fis-26 minuta għadda ftit barra.

Fl-34 minuta, Malta skurjat it-tielet goal meta PAUL MBONG rċieva cross mix-xellug u kkontrolla tajjeb qabel għeleb lill-goalkeeper ta’ San Marino b’ xutt fil-baxx.

Tliet minuti wara Alexander Satariano kkonkluda ġirja tajba billi qassam lejn Paul Mbong imma x-xutt ta’ dan ġiet salvata minn Colombo waqt li ħames minuti minn tmiem l-ewwel taqsima, Guillaumier tefa’ ftit barra wara li rċieva mingħand Muscat.

Żewġ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima, iż-żewġ timijiet spiċċaw jilagħbu b’ għaxra min-nies wara incident fil-kaxxa fejn id-difensur Fabbri spiċċa mal-art li qajjem argumenti bejn iż-żewġ settijiet ta’ players bir-referee Andrei Chivulete jkeċċi lil Irvin Cardona u Filippo Berardi.

Fil-ħin miżjud, San Marino ingħataw penalty wara li Satariano deher jiġbed lil Contadini fil-kaxxa u mill-penalty, NICOLA NANNI ma żbaljax.

Għaxar minuti fit-tieni taqsima, Chouaref daħal tajjeb mix-xellug imma x-xutt angolat tiegħu falla l-mira bi ftit. Henry Bonello imbagħad imblokka tajjeb tentattiv ta’ Lorenzo Capicchioni mix-xellug fis-70 minuta. Fit-72 minuta, Guillaumier avvanza tajjeb qabel qassam lil Chouaref li kellu konklużjoni b’ saħħitha mdawwra f’ corner minn Colombo. Xutt cross ta’ Samuele Zannoni ġie salvat minn Bonello żewġ minuti wara.

Żewġ minuti mit-tmiem, il-Maltin setgħu skurjaw ir-raba’ goal meta wara ħarba sabiħa ta’ Chouaref fuq ix-xellug, dan għadda l-ballun lejn is-sostitut Adam Magri Overend imma l-konklużjoni ta’ dan għaddiet ftit barra.

Malta: 1-Henry Bonello, 5-Kurt Shaw, 6-Matthew Guillaumier, 7-Joseph Mbong (3-Adam Magri Overend 65’), 8-Paul Mbong (18-Kemar Reid 65’), 9-Ilyas Chouaref, 11-Irvin Cardona, 13-Enrico Pepe (2-Jean Borg 46’), 21-Juan Carlos Corbalan (17-Kean Scicluna 86’), 22-Zach Muscat (15-Myles Beerman 73’), 23-Alexander Satariano (19-Yannik Yankam 65’). Coach: Emilio De Leo

San Marino: 1-Edoardo Colombo, 2-Simone Giocondi, 4-Filippo Fabbri (15-Marco Pasolini 46’), 5-Michele Cevoli (14-Giacomo Valentini 58’), 8-Lorenzo Capicchioni (23-Matteo Valli Casadei 75’), 9-Nicola Nanni (19-Nicolas Giacopetti 66’), 10-Filippo Berardi, 11-Andrea Contadini, 12-Alessandro Tosi (13-Marino Salicioni 58’), 18-Samuele Zannoni, 22-Marcello Mularoni (21-Alberto Riccardi 58’). Coach: Roberto Cevoli

Referee: Andrei Chivulete (ROM)

Ass. Referees: George Florin Neacsu, Marius Florin Badea (ROM)

Raba’ Uffiċjal: Ishmael Barbara

Skorers: 5’ Irvin Cardona, 11’ Zach Muscat, 34’ Paul Mbong (M); 45+2’ Nicola Nanni pen (SM)

Ammoniti: L. Capicchioni, A. Satariano

Tkeċċew: Irvin Cardona, Filippo Berardi

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport