It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena llum wara nofsinhar lagħab partita ta’ ħbiberija interessanti kontra tim b’saħħtu Slovakk ta’ taħt l-20 sena, li dawwar telfa f’rebħa ta’ 2-1.
Filwaqt li s-Slovakki qed jippreparaw għat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA ta’ taħt l-20 sena fl-Indoneżja (20 ta’ Mejju-11 ta’ Ġunju), il-Maltin użaw il-partita fit-tħejjija tagħhom għall-kampanja ta’ Kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew tal-UEFA 2025, li se tibda f’Settembru f’darhom kontra Spanja. Malta tellgħet fi grupp diffiċli ieħor fejn apparti Spanja, hemm ukoll il-Belġju, l-Iskozja, l-Ungerija u l-Każakstan.
Malta, taħt il-gwida temporanja tal-kowċ Taljan Francesco Macri, marru fil-vantaġġ kmieni wara biss żewġ minuti logħob meta Owen Spiteri għeleb bir-ras lill-goalkeeper Samuel Belanik wara li rċieva minn corner ta’ Andrea Zammit.
Madankollu, fis-36 minuta, is-Slovakki ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Alex Lacza li kkonkluda xogħol tajjeb ta’ Dominik Holly minn fuq il-lemin. Minuta qabel il-mistrieħ, is-Slovakki skorjaw it-tieni goal, li eventwalment kien dak rebbieħ, grazzi għal Adam Gazi, li kkonkluda ġewwa wara li rċieva minn pass preċiż ta’ Dominik Snajder.
Mas-siegħa logħob, is-Slovakki setgħet żiedu ieħor permezz ta’ Gazi, li kważi kkapitalizza fuq żball difensiv tal-ospiti, iżda l-attakkant li kien żmarkat għal kollox xeħet għoli minn pożizzjoni ideali.
Is-Slovakkja komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Nhar it-Tnejn, iż-żewġ timijiet jerġgħu jiltaqgħu, din id-darba fit-Training Grounds tal-MFA, f’12pm.
Malta U21: Matthias Debono, Nikolai Micallef (Kurt Briffa 65), Owen Spiteri, Zean Leonardi, James Vella, Matthew Debattista (Gianluca Sciberras 80), Aleandro Garzia, Kurt Bondin (Matthew Ellul 65) , Jake Engerer (Nathan Agius 57), Andrea Zammit ( Dale Mifsud 80), Mattia Veselji (Jed Valletta 57).
Slovakkja U20: Samuel Belanik, Marek Uljaky, Nicolas Sikula, Sebastian Kosa (Jakub Luka 90+3), Alex Lacza (Matus Kosecek 71), Dominik Holly, Samuel Kopasek, Dominik Snajder, Mate Szolgai, Adam Gazi (Balint Csoka 85), Timotej Jambor
Referee: Alex Johnson (Malta)