Sunday, December 22, 2024

Partita ta’ ħbiberija U/21: Malta ittemm fi draw kontra Ċipru

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

MALTA ………2

ĊIPRU ………2   

F’partita ta’ ħbiberija ferm bilanċjata u akka­nita, Malta temmet il-konfront tagħha kontra Ċipru fi draw ta’ 2-2. Il-Maltin urew karattru u personalitá hekk kif irkupraw minn żvantaġġ ta’ żewġ goals fejn li kieku kienu iktar preċiżi fil-konklużjonijiet tagħ­hom, fit-tieni taqsima setgħu anke ħarġu fuq in-naħa rebbieħa.

Għall-Maltin spikkaw Mattia Veselji u Andrea Zammit li minbarra li rnex­xielhom jsibu x-xibka, attakkaw tajjeb l-ispazji.

Wieħed ma jistax jinsa wkoll lis-sostitut Jake Engerer li wara li daħal jilgħab fit-tieni taqsima ħalla impatt ferm pożittiv.

Iċ-Ċiprijotti għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita hekk kif fetħu l-iskor wara biss seba’ minuti meta NICOLAS KOUTSAKOS ġie wiċċ imb’wiċċ mal-goalkeeper, Matthias Debono, u permezz ta’ xutt mill-viċin xe­ħet fix-xibka. Huma komplew jiddettaw il-logħob u fil-11-il minuta l-istess NI­COLAS KOUTSAKOS irdoppja permezz ta’ xutt minbarra l-kaxxa.

Kienu żewġ goals li ħasdu lill-Maltin iżda mal-ħin bdew jissetiljaw u jaqsmu l-logħob mal-avversarji.

Fis-27 minuta, ersaqna viċin meta   Andrea Zammit dawwar free-kick li ġie salvat bi tbatija f’corner mill- goalkeeper Stefanos Kittos.

It-team immexxi mill-coach Gilbert Agius beda jagħmel minn kollox biex inaqqas il-marġni tal-iskor u fil-35 minuta, cross-shot ta’ Dale Mifsud ġie devjat minn Stavros Gavriel bil- ballun jgħaddi jħakkek mal-wieqfa u ntemm f’corner.

L-isforzi tal-Maltin ġew ippremjati meta fit-42 minuta irnexxielhom jagħmlu l-iskor indaqs meta minn kontratakk veloċi, il-ballun intemm għand l-attakkant żagħżugħ ta’ Floriana, MATTIA VESELJI, li minn pożizzjoni ideali tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Malta ħarġu ferm aggressivi u fil-61 minuta kisbu d-draw meta s-sostitut Jake Engerer għadda tajjeb lejn ANDREA ZAMMIT li kważi minn fuq il-penalty spot spara l-ballun għal ġox-xibka.

Fil-75 minuta, il-Maltin reġgħu ħolqu l-periklu meta Jake Engerer għadda l- ballun fid-direzzjoni ta’ Andrea Zammit iżda d-difiża ta’ Ċipru antiċipat tajjeb.

MALTA: 1-Matthias Debono, 2-Zean Leonardi, 8-Kurt Briffa, 9-Mattia Veselji (22-Jamie Carbone 87), 10-Andrea Zammit (6-Isaac Ebejer 78), 11-Aleandro Garzia, 14-Karl Mohnani, 15-Isaac Cutajar (13-Nikolai Micallef 46), 18-Dale Mifsud (7-Jake Engerer 60), 19-Nathan Agius (3-Matthew Debattista 46), 20-Kurt Bondin   – Coach: Gilbert Agius

ĊIPRU: 1-Stefanos Kittos (12-Michalis Kyriakou 46), 2-Fotis Kotsonis, 3-Stavros Gavriel (11-Evangelos Andreou 62), 4-Ilias Kostis, 6-Georgios Okkis (16-Giorgos Pavlides 62), 7-Giannis Satsias (15-Dimitris Mavroudis 62), 8-Antonio Foti (18-Angelos Zefki 62), 9-Nicolas Koutsakos (23-Marko Jovanovic 78), 10-Filippos Eftychides (17-Giorgios Pontikou 62), 13-Irodotos Christodolou (14-Nikolas Hadjimitsis 78), 21-Evagoras Antoniou (20-Giorgos Vasiliou 78) – Coach: Ioannis Okkas

REFEREE: Philip Farrugia

ASS. REFEREES: Mitchell Scerri, James Muscat

RABA’ UFF: Alex Johnson

SKORERS: N. Koutsakos 7, 11 (Ċ), M. Veselji 42, A. Zammit 61 (M)

AMMONIT: M. Veselji (M)

Ekonomija

Sport